Akkużat bi stupru; jibqa’ jinżamm taħt arrest

Żagħżugħ ta’ 23 sena nżamm arrestat wara li ġie akkużat bi stupru li seħħ fl-14 u 15 ta’ Awwissu f’Bormla.

F’Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia ż-żagħżugħ ġie akkużat bi stupru, li żamm persuna bil-forza u kontra r-rieda tagħha, u li kiser il-kundizzjonijiet li ngħata mill-Qorti għall-ħelsien mill-arrest. Iż-żagħżugħ li għandu kumpanija li tikri l-karozzi u hu mill-Isla wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

L-Ispettur Eman Hayman qal lill-Qorti li fis-16 ta’ Awwissu huwa kien infurmat mill-Emerġenza li hemm persuna li qed tgħid li ġiet stuprata. Huwa spjega li t-tfajla li għandha 19-il sena, dakinhar ma riditx tagħmel rapport formali iżda riedet tagħmel biss it-testijiet mediċi.

Kien jumejn wara li l-persuna għamlet rapport formali fil-konfront tal-akkużat.

It-tfajla qalet lill-Pulizija li hi kienet ħarġet mal-akkużat u ltaqat miegħu għall-ewwel darba fejn xorbot xi inbid. L-Ispettur Hayman qal lill-Qorti li huma kienu marru date f’wine bar, fejn l-allegata vittma qalet lill-Pulizija li huwa kellu “kontroll fuqha” u fil-konsum tal-alkoħol. L-Ispettur żied jgħid li meta din esprimiet ix-xewqa tagħha biex tmur id-dar f’ċertu ħin sabet ruħha fl-appartament tal-akkużat.

L-Ispettur Hayman qal li l-allegata vittma qalet li meta kienu għandu hi ħasset xi uġigħ fil-parti tagħha, bl-akkużat ineżżaha u jistupraha.

Dwar il-każ, il-Prosekuzzjoni nfurmat lill-Qorti li nfetħet inkjesta maġisterjali.

Il-Qorti ġiet infurmata li l-akkużat ikkopera bis-sħiħ mal-Pulizija.

L-avukat Jason Grima li deher għall-akkużat għamel it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat fuq bażi tal-fedina penali tal-akkużat u sostniet li dan kien diġà nstab ħati fuq reati ta’ natura sesswali.

L-avukat Grima sostna li ż-żagħżugħ għandu kumpanija tiegħu u jieħu ħsieb kollox hu. Żied jgħid li r-reat li għalih qed tirreferi l-prosekuzzjoni jikkonsisti minn rapport li kienet għamlet omm it-tfajla tiegħu wara li nqala’ xi inkwiet bejnithom. L-akkużat kien instab ħati ta’ attività sesswali ma’ minorenni, meta huwa kellu 18-il sena u t-tfajla tiegħu kellha 16-il sena. Wara li nstab ħati, huma kienu baqgħu flimkien u ħasru biss tliet ġimgħat ilu.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest, bl-Ispettur Hayman jgħid li l-akkużat jaf il-proċeduri tal-Qorti minħabba l-każ ieħor li kien ġie deċiż fil-konfront tiegħu.

L-avukat Jason Grima saħaq li hemm inkjesta maġisterjali u x-xhieda tal-allegata vittma diġà hi parti minn din l-inkjesta.

“Dan huwa każ tal-kelma tagħha kontra l-kelma tiegħu,” kompla jgħid Grima. Żied jgħid li l-klijent tiegħu għamel dak kollu li talbuh il-Pulizija kif ukoll aċċetta li ssir tfittxija fid-dar tiegħu. Huwa leħħen ukoll il-biża’ tal-klijent tiegħu li f’każ li ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest mhu se jkun hemm ħadd min imexxi l-kumpanija tal-kiri tal-karozzi tal-akkużat.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti kienet ippreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia. L-avukat Jason Grima deher għall-akkużat. Filwaqt li l-avukati Arthur Azzopardi u Rene Camilleri dehru bħala parte civile.