Akkużat bi qtil ta’ tarbija wara li heżżiżha

Niġerjan ta’ 27 sena residenti fil-Mellieħa beda għaddej ġuri akkużat bl-attentat ta’ qtil tat-tarbija tas-sieħba tiegħu, li kellha 15-il xahar.
Huwa ġie mixli li fil-15 ta’ April 2013, qabad lit-tifel u heżżu tant li t-tifel sofra emorraġija f’moħħu.
Quddiem l-Imħallef Antonio Mizzi, il-Prosekuzzjoni qalet li r-raġel kien jaf sew x’qed jagħmel għax ħamest’ijiem qabel it-tarbija ddaħlet l-Isptar wara li soffriet minn ġrieħi wara li ġiet mheżża. Qalet li t-tobba kienu wissewh minn dak li soffriet it-tarbija.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li dakinhar tal-inċident, l-omm marret ix-xogħol u ħalliet it-tifel mal-akkużat. Qalet li bi ħsieb li joqtol jew li jpoġġilu ħajtu f’periklu ċar, ir-raġel heżżeż lit-tarbija tant li sofriet emorraġija f’moħħha u ntilfet minn sensieha.
Spjegat li wara li poġġa lit-tarbija fis-sodda, hu ċempel lis-sieħba tiegħu għall-ħabta ta’ nofsinhar u qalha li meta mar biex iqajjem lit-tifel, sabu mitluf minn sensih. Hija marret id-dar u sejħet ambulanza.
Żiedet tgħid li t-tarbija kienet ċertifikata f’qagħda kritika u minkejja li t-tobba salvaw it-tifel, huwa sofra ħsara irriversibbli f’moħħu, tant li jinsab fi stat kważi veġetattiv.
Ir-raġel jinsab akkużat ukoll li kkaġuna ġrieħi gravi fuq it-tifel  f’inċident ieħor u bi trattament abbużiv fil-konfront ta’ minorenni ta’ taħt it-12-il sena.
F’każ ta’ ħtija ir-raġel jista’ jeħel sa massimu 30 sena ħabs.
Il-ġuri se jkompli għada.