Akkużat b’attentat ta’ qtil; jgħid li nesa fejn kien joqgħod

It-Taljan li nqabad ilbieraħ filgħaxija mill-Pulizija ttella’ l-Qorti u ġie akkużat fost l-oħrajn b’attentat ta’ qtil.
Il-Pulizija kienet ilha tfittex lil Alfio Rannisi Torrisi mill-Ġimgħa li għaddiet, meta kien maħrub minnha għax kienet qed tfittxu b’rabta ma’ sparatura li seħħet fit-12 ta’ Diċembru fin-Naxxar.
Dan ir-raġel hu l-istess wieħed li f'Mejju li għadda nstab ħati li, flimkien ma' sieħbu, weġġgħu sid ta' ħanut fir-Rabat fl-2015 waqt serqa. Dakinhar huma kienu serqu €2,000.
Huwa qed jiġi akkużat li pprova joqtol lil Ivan Galea u Ronald Mallia, li fiera lil Galea u żammu kontra l-volontà tiegħu, li seraq karozza u li dar għat-theddid biex jakkwista xi flus.
Allegatament, l-isparatura tat-12 ta’ Diċembru nqalgħet dwar xi flus.
Torrisi nqabad ilbieraħ fil-kumpanija ta’ 2 persuni oħra f’appartament fi Triq il-Kaħli l-Mellieħa, u kien qed jipprepara biex jaħrab mill-pajjiż.
Xħin il-Qorti talbet lill-akkużat biex jgħidilha fejn kien joqgħod, it-Taljan wieġeb li nesa.
Ġie deċiż li Torrisi jibqa’ arrestat.
Ritratt: CMRU