Akkomodazzjoni studenti Għawdxin: “Applikaw, mhux tal-foqra”

Read in English.

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li hemm studenti Għawdxin li rrifjutaw akkomodazzjoni tal-Knisja f’Malta għax ma jridux jidhru fqar. Hu ħeġġiġhom biex japplikaw għal post.

L-Isqof Grech qal li kien hemm studenti Għawdxin li ma jridux joqgħodu f’akkomodazzjoni provduta mill-knisja f’Malta għax beżgħu li jieħdu tikketta li qegħdin f’dar tal-foqra. Hu qal dan waqt intervista li saritlu minn Fr Joe Borg.

F’Settembru tal-2018, Mons. Grech kien ħabbar li se jinfetħu żewġ hostels għaż-żgħażagħ Għawdxin li qed jistudjaw f’Malta. L-Isqof qal li l-Patrijiet Agostinjani u s-Sorijiet tas-Saint Joseph poġġew għad-dispożizzjoni tad-djoċesi żewġ djar f’Malta biex jintużaw bħala akkomodazzjoni. Waħda fi Gwardamanġa, għall-ġuvintur, u l-oħra għax-xebbiet fil-Gżira.

Madanakollu, Grech qal li s-sena l-oħra kienu ftit tard meta nedew il-proġett peress li għadd ta’ studenti jkunu diġà bdew isibu l-akkomodazzjoni minn Mejju. Spjega li reġa’ sar appell din is-sena però qal li r-rispons kien żgħir ħafna.

HOSTELS FOR GOZITAN STUDENTS IN MALTAGozitan students studying in Malta who would like to avail of the accomodation…

Posted by Diocese of Gozo on Saturday, August 24, 2019

Qal li waħda mir-raġunijiet hi li hemm studenti li ma jridux imorru f’dawn il-hostels għax jaħsbu li huma “tal-foqra”. L-Isqof iddeskriva dan bħala “stramberija tas-soċjetà”. Kompla jgħid li dawn mhumiex postijiet għall-foqra imma li min m’għandux mezzi jingħata preferenza.

“Naf b’żewġ każijiet, ġenituri jgħiduli li t-tifel jew it-tifla ma jridux imorru għax ma jridux it-tikketta li qegħdin f’dar tal-foqra. Dan hu faqar ieħor jiġifieri,” qal Mons. Grech. Kompla jgħid li m’hemmx restrizzjonijiet għall-istudenti li jkunu qed jgħixu hemm. Qal li s-servizzi li joffru l-hostels huma bħal dawk li l-istudenti jkollhom meta jkunu f’akkomodazzjoni privata.

Kompla jgħid li hemm tikketta li qed tagħmel il-ħsara u li jittama li l-immaġni tiġi kkoreġuta.

Ħafna studenti Għawdxin li jkunu se jkomplu jistudjaw l-Università jew l-MCAST jiddeċiedu li jikru post Malta biex ma jkollhomx għalfejn jaqsmu l-fliegu kuljum. Minkejja li l-Gvern joffri sussidju ta’ €1,500 għal kull sena skolastika, hemm studenti li xorta jħossu li ma jistgħux ilaħħqu mal-ispejjeż.

Il-prezzijiet li jħallsu l-istudenti għall-kera jvarjaw. Hemm min ikun xortih tajba u jinzerta sodda għal madwar €250 kull xahar f’akkomodazzjoni li jkollu jaqsama ma’ ħaddieħor. Il-prezzijiet jibqgħu tilgħin u l-kirjiet ta’ appartament jistgħu saħansitra jaqbżu l-€1,000 fix-xahar.

Awdjo: “€1,000 fix-xahar impossibbli; bżonn dormitorju” – studenti Għawdxin

Xi reklami li jiltaqgħu magħhom studenti Għawdxin fuq Facebook:

“L-industrija tal-betting parti mill-problema għall-istudenti Għawdxin” – GUG

Is-sena l-oħra, Mons. Grech qal li wieħed għandu jifraħ meta l-ulied ifittxu l-edukazzjoni terzjarja. Spjega li għall-familji Għawdxin dan joħloq diversi għamliet ta’ tbatija, bħalma hija n-nefqa li jridu jagħmlu biex jipprovdu lil uliedhom fejn joqogħdu. “Ħafna drabi, dawn iħallsu prezzijiet għolja, anke meta l-kundizzjonijiet ta’ fejn joqogħdu l-istudenti ma jkunux mill-aktar dinjitużi” saħaq l-Isqof. Żied jgħid li kaf b’każijiet fejn studenti kellhom jabbandunaw il-ħolma li jkomplu jistudjaw għax il-ġenituri tagħhom ma setgħux iġorru l-piż tal-kera “li sfortunatament qiegħda dejjem togħla”.

Il-Knisja tiftaħ 2 hostels għall-istudenti Għawdxin f’Malta