Akkomodazzjoni immigranti: Il-PN u l-PL iwaħħlu f’xulxin

Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista (PN) qal li l-kriżi fl-akkomodazzjoni saret minħabba l-politika ta’ immigrazzjoni qawwija tal-Partit Laburista (PL), il-PL qal li din il-kriżi ħoloqha Gvern Nazzjonalista li kellu nuqqas ta’ inizjattivi.

Fi stqarrija l-PN qal fl-aħħar jiem ħarġu aħbarijiet dwar il-housing li jinkwetaw lin-nies. Fosthom semma li aġenti tal-propjetà ddikjaraw li kirjiet ta’ €200 jew €300 fix-xahar m’għadhomx jeżistu. Il-partit semma wkoll aħbarijiet dwar Maltin u barranin li qed ikollhom jorqdu barra.

Skont il-PN, l-immigrazzjoni netta ta’ 10,000 immigrant kull sena bejn l-2014 u l-2016 u ta’ 15,000 is-sena l-oħra qed twassal biex l-ekonomija tikber bil-popolazzjoni u mhux bil-produzzjoni. Fi kliem il-partit, “il-Gvern mhux jippjana fit-tul għall-effett li l-immigrazzjoni qawwija qed tħalli fuq il-pagi tal-ħaddiema Maltin, it-traffiku, l-infrastruttura, il-prezzijiet, il-kirjiet, u l-ambjent fost l-oħrajn.”

Lista ta’ stenniha tlaħħaq l-eluf taħt il-PN – PL

F’risposta għal dan, il-PL qal li l-kriżi fis-settur tal-housing ħoloqha Gvern Nazzjonalista li fi kwart ta’ seklu ħa ftit li xejn inizjattivi tant li ħalla l-pajjiż b’lista ta’ stennija għal housing soċjali li tlaħħaq l-eluf.

Il-PL qal li l-Gvern preżenti qed jindirizza l-isfidi f’dan is-settur b’għadd kbir ta’ inizjattivi mifruxa skont il-ħtiġijiet ta’ persuni differenti. Fi kliem il-PL, jeżistu wkoll sfidi mis-suċċess ekonomiku ta’ Malta li jistgħu jitfgħu pressjoni ġdida.