AjruplanSinaj: Il-moħħ wara l-attentat jista’ jkun mexxej Iżlamiku Eġizzjan

Iktar mhi qed tissaħħaħ it-teorija li l-waqgħa tal-ajruplan Russu fis-Sinaj kien attakk terroristiku, il-ġurnal Ingliż Sunday Times qed jgħid li l-moħħ wara dan l-attakk hu l-Eġizzjan Abu Osama al-Masri, mexxej ta’ grupp affiljat mal-Istat Iżlamiku.
Fix-xhur li għaddew, l-Ingilterra kienet diġà kkunsidrat lil al-Masri bħala persuna suspettuża. 
Al-Masri jmexxi l-grupp Ansar al Beyt al Maqdis, grupp li ilu għal dawn l-aħħar snin fis-Sinaj u li s-sena li għaddiet, il-militanti tiegħu ħalfu li jobdu lil Abu Bakr al Baghdadi. 
L-Airbus A321 tal-kumpanija tal-ajru Metrojet, sploda nhar is-Sibt 31 ta’ Ottubru b’224 persuna abbord.
L-investigaturi Eġizzjani li qed jindagaw il-waqgħa tal-ajruplan, “huma 90% żguri” li l-ħoss li jinstema fl-aħħar sekonda tar-reġistrazzjoni tal-kaxxa s-sewda, hu ħoss ta’ splużjoni ta’ bomba.  
Din id-dikjarazzjoni ħarġet minn fomm wieħed mill-investigaturi f’kumment li ta lill-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters.  Madanakollu, l-awtoritajiet Eġizzjani ċaħdu dan u qalu li “mhuwiex minnu li l-ħoss hu ta’ bomba.”