​Ajruplani bi provisti jinżlu fil-Jemen

Numru ta’ ajruplani mgħobbija b’provisti ta’ għajnuna waslu fil-Belt Kapitali tal-Jemen, San’a.
Dawn kienu fost l-ewwel grupp ta’ ajruplani li niżlu fir-reġjun minn kemm ilu fis-seħħ l-imblokk tal-koalizzjoni Sawdija.
Skont il-midja internazzjonali, ajruplan minnhom kien qed iġorr madwar żewġ miljun doża ta’ tilqim. Tliet ajruplani oħra wasslu numru ta’ ħaddiema tal-Ġnus Magħquda u tal-organizzazzjoni internazzjonali tas-Salib l-Aħmar.
Il-koalizzjoni kienet qed timponi dan l-imblokk mis-6 ta’ Novembru. Jiġifieri jumejn wara li gruppi ribelli sparaw missila lejn il-kapitali Sawdija Riyadh. Din il-missila ġiet interċettata fuq l-ajruport internazzjonali.
Tliet ijiem ilu, il-koalizzjoni ħabbret li se tkun qed terġa’ tiftaħ il-port marittimu tal-Baħar l-Aħmar u l-ajruport ta’ San’a biex tkun tista’ tasal għajnuna umanitarja.