Aġġornata: Dewmien ta’ 3 sigħat bejn Malta u Katanja minħabba l-Etna

Aġġornata 11.35am
It-titjira tal-Airmalta minn Malta lejn Katanja dalgħodu telqet tliet sigħat tard minħabba l-iżbroff tal-vulkan Etna.
Newsbook.com.mt huwa nfurmat li t-titjira ta’ dalgħodu telqet minn Malta fid-9.00am minflok fis-6.00am.

Aktar kmieni
Ajruplan tal-Air Malta li kien fuq it-titjira KM 642 u KM 634 lejn Katanja u li kellu jasal fil-5.30 ta’ wara nofsinhar tal-Ġimgħa, kellu jdur lura lejn Malta wara li l-ajruport Fontanarossa ta’ Katanja ngħalaq minħabba l-iżbroff tal-vulkan Etna.
Kelliem tal-Air Malta qal ma’ Newsbook.com.mt li l-linja nazzjonali tal-ajru se tagħmel titjira lejn Palermo biex dawn il-passiġġieri li oriġinarjament kellhom imorru Katanja minflok jitwasslu Palermo.
Din it-titjira tal-Air Malta għandha titlaq minn Malta fil-23.50 u tasal Palermo fis-00.50. Lura Malta minn Palermo, l-ajruplan se jitlaq fis-01.40 u jasal 02.40.
Ma’ Newsbook.com.mt, il-Kelliem tal-Air Malta qal ukoll li l-linja nazzjonali tal-ajru qed torganizza trasport bil-kowċis mingħajr ħlas biex il-passiġġieri jaslu Katanja minn Palermo u dawk li jinsabu f’Katanja jitwasslu Palermo biex jiġu Malta.
Dan l-iżbroff ħarbat ukoll titjiriet oħra fosthom tal-Alitalia u Ryanair minn Ruma u Eindhoven.
L-ajruport Fontanarossa se jibqa’ magħluq sat-8 ta’ għada filgħodu bit-titjiriet kollha lejn dan l-ajruport twaqqfu, b’uħud jinżlu f’Palermo u oħrajn fl-ajruport żgħir ta’ Comiso.
Dan minħabba l-vulkan Etna li beda jiżbroffa għall-ħabta tas-6.30 ta’ filgħodu u wassal biex numru ta’ titjiriet mill-ajruport ittardjaw filwaqt li oħrajn ġew ikkanċellati.
Id-deċiżjoni ttieħdet mit-tmexxija tal-ajruport li se jerġa’ jiltaqa’ għada flimkien mat-taqsima tal-kriżijiet, biex jiddeċiedi jekk l-ajruport jinfetaħx mill-ġdid.