​Ajruplan tal-Air Canada kien se jinżel fuq 4 ajruplani

Ajruplan tal-Air Canada kien 30 metru biss bogħod minn ħabta ma’ erba’ ajruplani oħra li kienu qed jistennew biex jitilqu mill-Ajruport ta’ San Francisco fl-Istati Uniti.
Il-140 passiġġier li telqu minn Toronto jistgħu jgħodduha b’waħda meta l-ajruplan li kienu fuqu kien nieżel fir-runway. Dan hekk kif l-ajruplan ftit qabel l-inżul għadda bi żbrixx minn ma’ ajruplani oħra.
Il-każ seħħ fis-7 ta’ Lulju li għadda wara li l-bdot tal-Air Canada beda nieżel fil-parti minn fejn l-ajruplani jitilqu minflok jinżlu.
Il-bdot ingħata l-ordni biex idawwar l-ajruplan hekk kif waqaf ftit metri bogħod mill-ajruplani l-oħra. Iktar tard huwa rnexxielu jniżżel l-ajruplan mingħajr ebda problema u fil-parti t-tajba tal-ajruport. Ħadd ma weġġa f’dan l-inċident.