Ajruplan ta’ l-Alitalia bi problemi fl-inżul – iweġġgħu 16-il persuna

Inċident waqt l-inżul ta’ ajruplan ta’ l-Alitalia fl-ajruport ta’ Fiumicino f’Ruma, iħalli 16 –il persuna feruta, fosthom mara li kienet feruta gravi u żewġt itfal li weġġgħu ħafif. Il-prokura ta’ Civitavecchia fetħet inkjesta u issekwestrat l-ajruplan. L-ipoteżi prinċipali skont il-komunikat ta’ l-Alitalia hi li l-ajruplan sab diffikultajiet fl-inżul minħabba r-riħ qawwi.

L-ajruplan kellu abbord 50 persuna u beda t-titjira minn Pisa ilbieraħ fis-7:15pm u wasal Ruma għal ħabta tat-8:15pm. Il-kumpannija Alitalia issospendiet it-titjiriet tagħha lejn u minn Bologna u Pisa. L-ajruplan kien qed jopera għal kumpannija oħra Carpatair.

Huwa mifhum li l-ajruplan mess darbtejn l-art fuq ir-roti bil-ħadida tar-roti titgħawweġ u bl-ajruplan li baqa’ ħiereġ imkaxkar fuq il-ħaxix li jmiss ma’ l-airstrip.

Wieħed mill-persuni li kien abbord stqarr mal-mezzi tax-xandir Taljani li kulħadd fuq l-ajruplan kien konvint li ser imut.