Aġġornata: Putin iwissi lit-Turkija b’konsegwenzi serji

Aġġornata fl-4.30pm:
Ir-Russja ħassret żjara tal-Ministru tagħha tal-Affarijiet Barranin fit-Turkija, li kellha sseħħ għada, hekk kif wissiet li dak li seħħ fl-aħħar sigħat se jkollu konsegwenzi serji fuq ir-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.
Il-President Russu, Vladimir Putin, ikkundanna bl-iktar mod qawwi t-twaqqiegħ ta’ ajruplan militari Russu u ddeskriva dak li ġara bħala “daqqa ta’ sikkina fid-dahar”.
Qal li r-Russja dejjem qieset lit-Turkija bħala pajjiż ħabib imma issa qed tqisu periklu għat-terroriżmu bħall-Eġittu.
It-Turkija baqgħet tinsisti li bagħtet ajruplani militari tagħha jwaqqgħu l-ajruplan Russu, wara li daħal fl-ispazju tagħha u ma riedx joħroġ minnu.
Madankollu, ir-Russja baqgħet tisħaq li hi qatt ma ħalliet l-ispazju tal-ajru Sirjan.
It-Turkija talbet laqgħa għolja tan-NATO dwar dan.
Il-kobba qed tkompli titħabbel hekk kif rapporti mhux ikkonfermati qed jgħidu li ż-żewġ piloti, li ħarġu mill-ajruplan Russu qabel iġġarraf, inqatlu b’tiri minn ribelli ta’ kontra l-President Sirjan, Bashar al-Assad, waqt li kienu neżlin bil-paraxut.
Hemm liġijiet internazzjonali li jipprojbixxu sparar fuq persuni neżlin bil-paraxut, anke jekk il-pajjiż ikun fi stat ta’ gwerra.
Iktar kmieni:
Ajruplani Torok tal-gwerra splodew ajruplan Russu li daħal fl-ispazju tal-ajru tat-Turkija, wara li, skont it-Torok, wissew lir-Russja mill-inqas 10 darbiet f’ħames minuti biex joħroġ mill-ispazju territorjali.
Il-Gvern Russu kkonferma li ajruplan tiegħu twaqqa’ qrib il-fruntiera mas-Sirja imma nsista li qatt ma ħalla l-ispazju tal-ajru Sirjan.
Qal ukoll li skont l-informazzjoni li għandu, l-ajruplan twaqqa’ minn rockets sparati mill-art mhux minn ajruplani mill-ajru.
Jidher li l-piloti rnexxielhom joħorġu b’suċċess mill-ajruplan, u jidher li wieħed minnhom jinsab f’idejn il-forzi Turkmeni fis-Sirja.