Ajruplan jitfa’ l-fjuwil fuq skola f’Los Angeles; tfal imweġġgħa

Damian Dovarganes/AP

Read in English.

Ajruplan tal-linja tal-ajru Delta Airlines li kien qed jinżel b’emerġenza fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Los Angeles tefa’ l-fjuwil fil-bitħa ta’ skola primarja, bil-konsegwenza li weġġgħu ħafif 17-il tifel u tifla u disa’ adulti.

Dan ġara lbieraħ ġol-iskola Park Avenue Elementary School f’Cudahy. Jidher li dawk li weġġgħu ma kellhom xejn kbir u ma kellhomx bżonn imorru l-isptar.

Il-linja tal-ajru ħarġet fi stqarrija li fiha spjegat li t-titjira lejn Shanghai kellha problema u l-ajruplan kellu jirritorna LAX. L-ajruplan irnexxielu jinżel b’mod sigur wara li neħħa ftit mill-fjuwil tiegħu, li hi parti mill-proċedura biex jitnaqqas il-piż ħalli jkollu piż sigur meta jinżel l-art.

Madankollu, l-Amministrazzjoni Federali tal-Avjazzjoni qalet li l-proċedura tgħid li l-fjuwil għandu jintefa’ f’postijiet fejn ma joqogħdux nies, u minn iżjed għoli ħalli dan jilħaq jinxtered qabel jilħaq l-art.

Il-fjuwil intefa’ waqt li t-tfal kienu fil-bitħa peress li kien ħin il-break. 70 uffiċjal tat-tifi tan-nar marru fuq il-post biex jgħinu lil dawk li weġġgħu. Studenti oħra ġew evakwati mill-iskola wara l-inċident.