Maltin fl-Italja jwaqqfu ħesrem iż-żjara tagħhom

Aġġornat 01:45 PM

Il-Gvern Malti bagħat ajruplan lejn l-Italja biex iġib il-Maltin li jinsabu f’Milan. Jidher li l-Maltin waslu Malta abbord titjira skedata tal-Air Malta. Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li hemm żewġ tours li ġew identifikati mill-Gvern. L-ajruplan mill-ajruport ta’ Linate f’Milan wasal fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fil-5pm.

Il-Maltin f’dawn iż-żewġ tours mistennija li jinġiebu lura Malta u ġew mitlub biex mal-wasla tagħhom f’Malta jagħmlu ħmistax ta’ kwarantina fid-dar tagħhom stess. Din qed titqies bħala miżura ta’ sigurtà għas-saħħa pubblika f’Malta. Professjonisti mill-Isptar Mater Dei kienu f’kuntatt mal-familjari tal-Maltin fl-Italja biex jinfurmawhom bil-proċeduri li mistennija jidħlu fis-seħħ.

Ilbieraħ, żewġ persuni waslu Malta bid-deni minn Bergamo, ajruport ieħor f’Milan. Huma qegħdin taħt osservazzjoni.

L-Awtoritajiet tas-Saħħa se jindirizzaw konferenza tal-aħbarijiet dwar il-coronavirus fl-4.30pm fl-Isptar San Luqa.