Aġġornata bil-filmat: Ajruplan jiġġarraf fir-Russja; 71 konfermati mejta

Ajruplan Russu ġġarraf ftit wara li telaq mill-Ajruport ta’ Domodedovo f'Moska.
L-awtoritajiet kienu allarmati wara li l-ajruplan sparixxa minn fuq ir-radar ftit wara l-11.15am.
Is-sit FlightRadar irrapporta li nnota l-ajruplan nieżel b'rata mgħaġġla ta' ħames minuti biss wara li telaq mill-ajruport.
Skont il-midja internazzjonali l-ajruplan kien tat-tip An-148 u kien sejjer lejn il-belt ta’ Orsk fir-Russja meta sparixxa.
L-ajurplan iġġarraf b’65 passiġġier u sitt membri tal-ekwipaġġ abbord.
Nies li kienu fl-akwati ta' fejn iġġarraf l-ajruplan qalu mal-midja Russa li raw ajruplan jaqbad niżel mill-ajru.
Is-servizzi tal-emerġenza Russi kkonfermaw mal-midja internazzjonali li l-ajruplan iġġarraf u jidher li m’hemm l-ebda tama li xi ħadd seta’ salva.
Qed ikun irrappurtat li l-ajruplan iġġarraf f'għalqa viċin il-villaġġ ta' Argunovo, madwar 80km bogħod mix-Xlokk ta' Moska.
Għalkemm għadu mhux konfermat xi kkawża dan l-inċident, il-kundizzjoni tat-temp u żbalji minn naħa tal-piloti mhux qed ikunu esklużi mill-Awtoritajiet Russi. 
Il-passiġġieri kollha konfermati li mietu
L-awtoritajiet Russi kkonfermaw mal-midja internazzjonali li nstab it-tifrik tal-ajruplan u li l-passiġġieri flimkien mal-ekwipaġġ li kienu abbord l-ajruplan kollha ġew konfermati li mietu.