Ajruplan jikkraxxja fil-Messiku; grati li salvaw

Reuters

Numru ta’ nies sfaw feruti meta ajruplan mimli nies ikkraxxja eżatt wara li telaq mill-Messiku t-Tlieta, iżda jidher illi ħadd ma weġġa’ serjament u ma miet ħadd.

L-ajruplan kien kważi mimli kollu, b’103 passiġġiera, inkluż żewġt itfal u erba’ ħaddiema abbord, meta ħabat fl-4pm. In-nies irnexxielhom jaqbżu minn fuqu qabel ma ħa n-nar.

85 persuna qed issofri minn ġrieħi ħfief, u 37 minnhom ittieħdu l-isptar.

Waħda mill-passiġġiera qalet lill-ġurnalisti li dan ġara wara li l-ajruplan telaq fil-maltemp. Hi u bintha ħarbu minn toqba xħin l-ajruplan kien qed jimtela kollu duħħan u nirien. Kien hemm tifla tibki għax bdew jinħarqulha saqajha, qalet il-passiġġiera.

Minkejja li nħarqulha l-passaport u d-dokumenti, il-passiġġiera qalet kemm hi grata lejn Alla li rnexxielhom isalvaw.