Ajruplan b’inżul ta’ emerġenza f’Madrid wara ħsarat

REUTERS/Susana Vera

Ajruplan tat-tip Boeing 767, tal-linja tal-ajru Air Canada kellu jagħmel inżul ta’ emerġenza fl-ajruport ta’ Barajas f’Madrid. 

L-ajruplan kien telaq mill-ajruport Adolfo Suarez Madrid-Barajas bid-destinazzjoni finali tkun Toronto. 

L-ajruplan għamel erba’ sigħat itir fuq Spanja biex jisvojta l-fjuwil bħala miżura ta’ prekawzjoni fid-dawl tal-inżul ta’ emerġenza. 

L-ajruplan tniżżell b’wiċċ il-ġid għall-128 passiġġier u t-tmien membri tal-ekwipaġġ abbord. 

Il-Ministru tat-Trasport Spanjol Jose Lui Abalos faħħar lill-pilota u l-ekwipaġġ għall-professjonalità li wrew f’dan il-każ.