Ajruplan Indoneżjan jintilef bi 62 persuna abbord

Photo: PK-REN from Jakarta, Indonesia - Creative Commons

Read in English.

Ajruplan tal-linja tal-ajru Indoneżjana Sriwijaya Air u li kellu 62 persuna abbord tilef il-kuntatt ftit wara li telaq mill-kapitali tal-Indoneżja Jakarta.

Uffiċċjali tas-salvataġġ qalu li nstabu biċċiet tal-ajruplan fil-baħar barra l-pajjiż.

Il-Boeing 737-500, kien fi triqtu lejn Pontianak u għeb mill-iscreens tar-radar ftit wara li telaq minn Jakarta.

Il-Ministru tat-Trasport Indoneżjan Budi Karya, f’konferenza tal-aħbarijiet, qal li abbord l-ajruplan kien hemm 62 persuna, inkluż 12-il membru tal-ekwipaġġ.

Il-kap tal-aġenzija tat-tiftix u s-salvataġġ tal-pajjiż Basarnas, qal li ntbagħtu ħaddiema ta’ salvataġġ biex ifittxu fl-ibħra fit-tramuntana ta’ Jakarta.

Flightradar24, fuq Twitter, irraport li t-titjira SJ182 “tilfet 10,000 pied fl-altitudni tagħha f’inqas minn minuta, madwar 4 minuti wara t-tluq minn Jakarta”.

Sriwijaya Air, linja tal-ajru Indoneżjana, qalet fi stqarrija li kienet qed tiġbor informazzjoni aktar dettaljata rigward it-titjira qabel ma tkun tista’ tagħmel dikjarazzjoni aktar sħiħa.