Ajruplan ieħor jiddewwem, did-darba 14-il siegħa – rapport

Rapport fil-midja lokali qed jgħid li dal-lejl kien hemm ajruplan ieħor tal-Airmalta li ddewwem ħafna biex telaq minħabba ħsarat tekniċi.
Newsbook.com.mt ipprova jikkuntattja lill-Airmalta, iżda ma stajniex naqbdu.
It-Times of Malta rrappurtat li l-ajruplan li kien skedat biex itir minn Comiso fi Sqallija lejn Malta lbieraħ fil-11pm, iddewwem ħafna aktar, u l-passiġġieri waslu llum fis-1.15pm.
Normalment titjira simili tieħu madwar 30 minuta biss.
“Il-Gvern għandu r-responsabbilità li jħares ir-reputazzjoni tajba tal-Airmalta” – PN
Sadanittant, fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li hu xogħol il-Gvern li jħares ir-reputazzjoni tal-Airmalta.
Qal li d-deċiżjoni li jintużaw ajruplani tal-kiri qed twassal biex ammont kbir ta' passiġġieri, li jagħżlu li jużaw l-Airmalta, qed jispiċċaw jesperjenzaw dewmien esaġerat fit-titjiriet. Dan minħabba ħsarat kontinwi li qed ikollhom dawn l-ajruplani.
“Hekk kif qed nersqu lejn l-istaġun tas-sajf, il-PN iħeġġeġ lill-Gvern biex jieħu l-aħjar deċiżjonijiet għall-Airmalta u jindirizza bl-aħjar mod il-ħtiġijiet tagħha biex il-passiġġieri jibqgħu jinqdew bl-aħjar mod”, temmet l-istqarrija qasira.
Dan kien it-tieni inċident simili f’temp ta’ ftit sigħat, wara li lbieraħ passiġġieri nqabdu f’Palermo wara ħruġ ta’ fjuwil minn ajruplan mikri mill-Air Malta.