AirX se tibda ssewwi l-ajruplani f’Malta

Il-kumpanija AirX Jet Support Malta ngħatat iċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni mid-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivli fi Transport Malta biex tkun tista’ tagħmel manutenzjoni fuq 3 tipi ta’ ajurplani differenti. B’dan iċ-ċertifikat, din il-kumpanija se tkun tista’ tagħmel manutenzjoni fuq ajurplani tat-tip Airbus, Boeing 737 u l-Embraer ERJ-190/Lineage 1000.

Il-flotta ta’ AirX hija ta’ 21 ajruplan minn 6 kategoriji differenti, b’żewġ ajurplani minnhom qegħdin fl-Istati Uniti. L-aħħar ajurplan li qiegħed jiżdied ma’ din il-flotta huwa tat-tip Lineage 1000, li fuqu jistgħu jivvjaġġaw sa 19-il persuna.

Transport Malta qalet li l-kumpanija AirX għandha l-pjan li tkompli tespandi l-flotta tagħha bil-ħsieb ta’ aktar investiment f’ pajjiżna. Fi stqarrija l-Awtorità spjegat li din l-industrija hija fost l-aktar b’saħħitha u stabbilita fis-swieq internazzjonali. Spjegat li f’Malta din l-industrija timpjega aktar minn 3,200 persuna, filwaqt li tikkontribwixxi lejn il-prodott domestiku gross ta’ Malta bi 2.5%.