Airmalta: konferma li l-Gvern se jżomm l-assi ewlenin f’idejh

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi ikkonferma fil-Parlament li l-Gvern se jżomm f’idejh is-slots għal titjiriet lejn ajruporti ewlenin fl-Ewropa kif ukoll l-assi ewlenin li għandha l-Airmalta meta din tidħol fi kwalunkwe sħubija strateġika. Qal ukoll li d-diskussjonijiet mal-unjins dwar il-ftehim kollettiv se jkomplu matul il-ġimgħa d-dieħla.
Huwa qal dan waqt diskussjoni fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari fi tweġiba għal mistoqsijiet tad-Deputati Nazzjonalisti Mario De Marco u Claudio Grech.
Mizzi qal li l-Gvern irċieva diversi proposti minn potenzjal sieħba strateġiċi, uħud interessanti u wħud le. Huwa qal li l-Gvern mhux se jidħol għal negozjati ma’ dawn qabel ma jindirizza is-sitwazzjoni fl-Airmalta. Qal li biex tinnegozja, trid tkun taf fejn trid tmur, “u ċertu bidliet trid tkun għamilthom diġà”.
Huwa qal li l-eks-President George Abela se jkun qed jmexxi d-diskussjonijiet “miftuħa” bejn il-maniġment tal-linja tal-ajru u l-unjins ewlenin. Saħaq li l-mira se tkun li jintlaħaq qbil sal-2020. Tenna li ħadd mill-ħaddiema m’hu se jkun qed jitkeċċa.
Mizzi saħaq li l-Airmalta se tkun qed tagħmel profitt “fi żmien raġonevoli”. Qal li fost l-oħrajn il-linja qed tikkunsidra l-possibiltà ta’ biljetti simili għal dawk offruti minn kumpanniji low cost. Saħaq li l-proċess ta’ ristrutturar se jkun mibni fuq fażijiet differenti. L-ewwel se tingħata prijorità lil rotot ġodda. Eventwalment se ssir enfasi fuq servizzi ġodda.
Huwa rrifjuta li jagħti data għal meta se jkun ppublikat ir-rapport finanzjarju għas-sena li għaddiet. Qal biss li l-kumpannija ppublikat il-kontijiet għal-2015, li l-awdituri ma kellhom ebda problemi bil-kontijiet tal-kumpannija u li bħalissa qed issir analiżi ddettaljata dwar il-pjan tar-ristrutturar tal-kumpannija liema pjan ġie fi tmiemu iktar kmieni din is-sena.