Airborne jirritorna fuq it-televiżjoni f’Ottubru li ġej

Read in English.

Airborne huwa l-uniku programm televiżiv lokali fuq l-avjazzjoni u huwa ta’ unur għall-Enemed li tagħti daqqa t’id fil-produzzjoni tiegħu, fid-dawl tal-iżviluppi kbar li saru f’din l-industrija fl-aħħar snin.

Għalkemm in-numru ta’ dilettanti lokali tal-avjazzoni minn dejjem kien konsiderevoli, is-settur kompla jitwessa’ tant li qiegħed joffri ħafna opportunitajiet ġodda ta’ impjieg mill-aktar interessanti. Il-produtturi ta’ Airborne, Mark Zerafa u Clare Agius, se jimirħu f’dawn l-impjiegi biex iżidu l-għarfien tal-pubbliku fuqhom.

Clare, li tmexxi wkoll il-programm b’mod tajjeb ħafna, qalet li: “F’dawn is-sentejn, vera ħassejt li l-ammont ta’ karrieri li qed toffri din l-industrija huma kbar u jmorru lil hinn minn dawk ta’ bdot u inġinier, li forsi dejjem kienu meqjusin bħala l-ogħla karrieri li tista’ taspira għalihom. Hemm diversi xogħlijiet li jirrikjedu kwalitajiet varji, u allura nappella lill-istudenti u lil dawk li, b’xi mod, dejjem kienu mħajrin li jaqbdu karriera f’din l-industrija, biex jiskopru dawn l-opportunitajiet u jitħarrġu kif jixraq għalihom. Din hi karriera li ttik sodisfazzjon kbir.”

Barra minn hekk, jibqa’ fatt li l-qasam tal-avjazzjoni hawn Malta hu marbut ħafna mal-adrenalina. Għalhekk, flimkien mal-Enemed, Airborne se jagħmel il-ħolma ta’ wħud mit-telespettaturi realtà. Mill-inqas darba fix-xahar se ssir kompetizzjoni biex tingħata esperjenza unika lil xi ħadd. Fis-sensiela li għaddiet kien hemm erba’ telespettaturi li ngħataw dawn l-esperjenzi indimentikabbli:

  • Waħda mir-rebbieħa ttellgħet tiltaqa’ mal-bdoti tar-Red Bull Air Race fl-Awstrija u setgħet issegwi t-tlielaq għal weekend sħiħ, fil-waqt li t-tim ta’ Airborne kellu ċ-ċans jiffilmja din l-esperjenza.
  • Ġuvni ta’ 17-il sena sab ruħu jgħix il-ħolma li kellu li jsir bdot tat-Tiger Moth, ajruplan li llum ma ttirx fuqu kif ġieb u laħaq.
  • Żewġ persuni avventurużi rnexxielhom jakkwistaw titjira sa Sqallija u qabżu bil-paraxut fi skydive li kienu ilhom jixtiequ jagħmlu snin twal.

U din is-sena l-ħolm tat-telespettaturi se jkompli jsir realtà bis-saħħa ta’ Airborne. L-ewwel kompetizzjoni diġà tħabbret: ‘Fuel Your Dream’. Min jirbaħha jieħu titjira fuq il-Flexi Wing Microlight.

Segwi Airborne minn Ottubru li ġej u mill-paġna tal-Facebook Airborne – The Aviation TV Series ħalli tkun aġġornat bil-kompetizzjonijiet u taffaxina ruħek bil-kontenut ferm interessanti tal-programm dwar l-avjazzjoni.