Airbnb tikser il-liġijiet Ewropej

L-Awtoritajiet Ewropej tal-Konsumatur u l-Kummissjoni talbu lill-Airbnb tagħmel għadd ta’ bidliet fil-preżentazzjoni preżenti tal-prezzijiet tal-kumpanija u għadd mit-termini tagħha ma jikkonformawx ma jaqblux ma’ diversi direttivi Ewropej.  Dawn id-direttivi huma d-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali, id-Direttiva dwar it-Termini Kuntrattwali Inġusti, u r-Regolament dwar il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerjċali.

Il-preżentazzjoni tal-prezzijiet ta’ Airbnb, kif ukoll id-distinzjoni bejn l-ospitanti privati u professjonali bħalissa ma tikkonformax mar-rekwiżiti tal-liġi tal-UE.

  • Il-konsumatur għandu jingħata l-prezz totali li jinkludi tariffi obbligatorji. Jekk dan ma jkunx possibli li jiġi kkalkulat il-prezz finali minn qabel, il-konsumaturi għandhom jiġu infurmati b’mod ċar li jistgħu japplikaw tariffi addizzjonali. B’hekk Airbnb għandha tibdel il-mod kif tippreżenta l-informazzjoni dwar il-prezzijiet mill-ewwel tiftixa fuq is-sit tagħha.
  • Għandu jiġi identifikat b’mod ċar ukoll jekk l-offerta ssirx permezz ta’ ospitant privat jew professjonist. Dan għaliex r-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur huma differenti minn dawk tal-ospitant.

Apparti minn dan, it-termini għas-servizz ta’ Airbnb għandhom jinġiebu f’konformità mal-liġi Ewropea tal-konsumatur sabiex ma joħolqux żbilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet, għad-detriment tal-konsumatur. Fit-termini għandha tiġi użata lingwa sempliċi u ċara sabiex il-konsumaturi jkunu jafu sew x’inhuma d-drittijiet tagħhom.

Airbnb sa l-aħħar Awwissu li ġej trid tipproponi soluzzjonijiet dettaljati dwar kif se tikkonforma l-kondotta tagħha mal-leġiżlazzjoni tal-konsumatur tal-UE. Ladarba Airbnb tippreżenta s-soluzzjonijiet biex tagħmel dawn l-emendi, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-konsumatur tal-UE se jirrevedu l-bidliet proposti. Jekk dawn ma jitqiesux sodisfaċenti, Airbnb tista’ taffaċċja azzjoni ta’ infurzar.