AirAsia: Titwessa’ ż-żona ta’ tfittxija fil-baħar

Fl-Indoneżja, iż-żona tat-tfittxija għall-fdalijiet tal-ajruplan tal-AirAsia, twessgħet għax minkejja li l-maltemp batta xi ftit, għadha ma tistax tinstab il-parti tal-ajruplan bl-ekwipaġġ u l-passiġġieri.
Mill-162 ruħ li kienu abbord it-titjira, li ġġarrfet bejn il-Milied u l-aħħar tas-sena, ittellgħu biss 37 katavru.
L-uffiċjali li qed imexxu l-operazzjoni ta’ tfittxija jaħsbu li sabu l-parti tad-denb tal-ajruplan, fejn ikun hemm il-kaxxa s-sewda, imma s’issa għadhom ma rnexxielhomx jirkuprawha.
Il-ħidma hi mfixkla minn maltemp, kurrenti qawwija li qed itellfu lill-għaddasa milli jgħoddsu ‘l isfel kemm jixtiequ, u viżibilità li hi minima.
Għadu s’issa mhux magħruf x’wassal biex l-ajruplan waqa’ fil-lejl ta' bejn is-27 u t-28 ta' Diċembru.