AirAsia: Tittella’ t-tieni parti tal-kaxxa s-sewda

Ittellgħet minn qiegħ il-baħar it-tieni parti tal-kaxxa s-sewda tal-ajruplan AirAsia li ġġarraf ftit iktar minn ġimgħatejn ilu qrib l-Indoneżja.
Din l-aħħar biċċa li kien fadal tiġi rkuprata għandha r-recordings ta’ dak li ntqal bejn il-kabina u l-kontrolluri tal-ajru waqt it-titjira.
Dan wara li lbieraħ ittellgħet l-ewwel parti tal-kaxxa, li fiha informazzjoni dwar l-għoli tal-ajruplan waqt il-vjaġġ u dettalji oħra.
B’hekk, fi żmien ġimgħatejn issa, mistennija joħorġu dettalji ta’ dak li seħħ u li kkaġuna t-tiġrif ta’ dan l-ajruplan.
S’issa, mill-162 vittma abbord l-ajruplan, ittellgħu l-fdalijiet ta’ 48 ruħ. Il-parti l-kbira tal-passiġġieri huma maħsuba li għadhom maqbuda fil-parti ċentrali tal-ajruplan li għadha tistrieħ f’qiegħ il-baħar.