AirAsia: Tinstab biċċa mill-kaxxa s-sewda

Fl-Indoneżja, instabet parti mill-kaxxa s-sewda tal-ajruplan AirAsia li ġġarraf fit-28 ta’ Diċembru.
Minkejja li issa fadal li tiġi rkuprata l-kaxxa b’recordings tal-awdjo tal-kabina tal-pilota, dak li ġie rkuprat minn qiegħ il-baħar għandu jgħin lill-investigaturi biex jifhmu jekk l-ajruplan iġġarrafx minħabba ħsarat tekniċi jew ħsarat oħra u anke l-għoli li fih kien qed itir l-ajruplan qabel iġġarraf. 
Fi tmiem il-ġimgħa, il-kaxxa s-sewda ġiet lokalizzata permezz ta' vapuri li kienu qed ifittxu sinjali apposta u ttella' denb l-ajruplan.
Madankollu l-apparat ma nstabx fil-fdalijiet irkuprati kif kien mistenni. Il-kurrenti fil-baħar ippermettew lill-għaddasa biex jerġgħu jinżlu taħt il-baħar dalgħodu u jirkupraw parti mill-apparat.
Issa jridu jgħaddu mill-inqas ġimgħatejn sakemm tiġi rkuprata l-informazzjoni maħżuna f'din il-parti tal-kaxxa s-sewda.