AirAsia: l-irkupru tal-ajruplan jiġi sospiż

Fl-Ażja, ġiet sospiża l-ħidma biex jippruvaw itellgħu l-fdalijiet tal-ajruplan AirAsia li ġġarraf xahar ilu.
Dan wara diversi tentattivi biex itellgħu l-aħħar parti ċentrali tal-ajruplan, li għadha f’qiegħ il-baħar Java, iżda l-maltemp qed jibqa’ jfixkel ix-xogħol.
Skont l-aħħar rapporti mir-reġjun, l-awtoritajiet jidhru li m’għadhomx jimxu mat-teżi li din il-parti tal-ajruplan għad fiha l-vittmi għax s’issa rnexxielhom jirkupraw mas-70 katavru mill-162 persuna li kienet abbord.
Skont il-fdalijiet tal-kaxxa s-sewda, l-ajruplan iġġarraf wara li pprova jitla’ għoli b’veloċità qawwija f’salt, li kienet mas-sitt darbiet iktar qawwija milli normalment jinstaq ajruplan.