AirAsia: L-ajruplan iġġarraf għax tela’ għoli f’salt

Fl-Indoneżja, il-Ministru tat-Trasport fil-Parlament qal li l-ajruplan AirAsia ġġarraf wara li l-magni tiegħu waqfulu malli tela’ għoli sostanzjali f’salt.
Spjega li l-ajruplan tela’ b’saħħa ta’ 1,800 metru ’l minuta, u li ebda ajruplan – lanqas fighter jet militari – ma jażżarda jitla’ għoli b’mod daqshekk veloċi.
Normalment, ajruplan tal-passiġġieri jitla’ għoli b’veloċità ta’ 300 metru ’l minuta.
It-traġedja wasslet għall-mewt ta’ 162 persuna, li l-parti l-kbira tagħhom għadhom fis-sezzjoni ċentrali tal-ajruplan f’qiegħ il-baħar.