AirAsia: Jinstabu s’issa 31 katavru

Tidħol fit-tieni ġimgħa tagħha t-tfittxija għall-fdalijiet tat-titjira tal-AirAsia QZ8501 fil-baħar ta’ Java, bil-kundizzjonijiet tat-temp qed jagħmlu t-tfittxijiet aktar diffiċli.
Għaddasa qed jittamaw li l-kundizzjonijiet tat-temp ikunu aħjar u għalhekk kien hemm diversi sospensjonijiet matul l-ewwel ġimgħa tat-tfittxija.
Il-ħames oġġett kbir li hu maħsub li hu debris tal-ajruplan tal-AirAsia kien lokalizzat taħt il-baħar filwaqt li diġa nstabu 31 katavru.
It-titjira QZ8501 tilfet il-kuntatt mar-radar bħal lum ġimgħa wara li ħalliet Surabaya fl-Indonesja għal Singapore b’162 persuna abbord.
Il-kaxex is-suwed tal-Airbus A320 għad iridu jiġu lokalizzati.
Hu maħsub li l-maġġoranza tal-katavri tal-vittmi jinsabu maqbuda fl-ajruplan taħt il-baħar.