Aġġornata (3): Filmat: L-Air Malta għawġet il-fatti biex tgħatti n-nuqqasijiet – ALPA

Il-Qorti laqgħet it-talba tal-Air Malta biex l-Unjin tal-Piloti (ALPA) twaqqaf l-azzjoni industrijali. Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi ħabbar dan fuq Facebook u insista li l-Gvern mhux se joqgħod għal dan it-theddid, wara li sejjaħ it-talbiet tal-ALPA surreali u li qed “jistennew l-impossibbli mingħand il-Gvern.”
“L-Air Malta għawġet il-fatti biex tgħatti nuqqasijiet tagħha” – ALPA
Min-naħa tagħha, l-ALPA akkużat lill-Air Malta li għawġet il-fatti u ħolqot stampa falza taċ-ċirkustanzi biex tgħatti n-nuqqasijiet maniġerjali tagħha. L-Unjin li tappoġġja lill-bdoti tal-Air Malta argumentat li l-istqarrijiet mogħtija lill-midja mit-tim maniġerjali tal-Air Malta huma nofs veritajiet u anke gidbiet kapriċċużi biex jgħattu l-immaniġġjar ħażin, anke fl-ogħla strati tal-kumpanija.
ALPA kompliet tgħid li l-azzjoni industrijali ssejħet b’risposta għat-tentattivi tal-maniġment li jħaddmu lill-impjegati kontra l-proċeduri stipulati, u b’risposta wkoll lill-falliment tal-kumpanija biex tindirizza tħassib ta’ sigurtà u benessri fost il-membri tagħha. Ikkonfermaw ukoll li l-azzjoni industrijali ġiet irtirata temporanjament, sakemm il-qrati jieħdu deċiżjoni dwar dan. Temmew jgħidu li mhumiex se jħossuhom intimidati mit-tattiċi tal-Air Malta.
“Nirrikorru għal Malta Med Air jekk l-Air Malta ma tlaħħaqx mad-domanda” – Mizzi
Fil-messaġġ tiegħu, il-Ministru Konrad Mizzi, filwaqt li tkellem dwar it-tkabbir tal-Air Malta, qal li jekk din il-linja tal-ajru ma tlaħħaqx mad-domanda, jirrikorru għal Malta Med Air, li hi kumpanija tal-ajru governattiva oħra.
Il-każ fil-Qorti fuq il-kwistjoni għandu jinstema’ l-ġimgħa d-dieħla.
Il-Kamra tal-Kummerċ kontra azzjoni industrijali
Intant, il-Kamra tal-Kummerċ argumentat li l-Air Malta hi parti integrali mill-ekonomija Maltija u ma tistax tintefa’ lura minħabba interessi personali ta’ ftit nies. Il-Kamra tal-Kummerċ ikkummentat kontra l-azzjoni industrijali kontra l-linja tal-ajru, u qalet li din l-azzjoni jista’ jkollha riżultati negattivi fuq l-ekonomija Maltija.

Aktar kmieni, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi ħabbar fuq Twitter it-talba tal-Air Malta lill-Qorti, fejn tenna wkoll li t-taxxi tan-nies mhux se jintużaw biex il-piloti jirtiraw ta’ 55 sena u jieħdu pakkett ta’ kważi €700,000 kull wieħed.

Fi stqarrija tal-Air Malta, il-kumpanija spjegat li n-negozji ilhom għaddejjin għal 18-il xahar, u intlaħaq kompromess fit-28 ta’ Ġunju. Minkejja dan, ALPA sostniet li se jittieħed azzjoni industrijali jekk il-Gvern ma jaqbilx mal-garanzija li kienet qed tfittex.

Għalkemm il-kumpanija qalet li tifhem li li jittieħed azzjoni industrijali huwa dritt, dan id-dritt huwa ristrett hekk kif l-Air Malta ma tistgħax ikollha r-responsabilità tal-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-piloti u s-shareholder.

B’hekk, sar talba lill-Qorti biex jitwaqqaf l-azzjoni industrijali, hekk kif l-Air Malta se tfittex li tieħu kumpens mill-piloti tal-ħsara li sofriet b’konsegwenza ta’ din l-azzjoni industrijali.

L-azzjoni industrijali

Titjiriet tal-Air Malta qed jitilqu minn tal-inqas nofs siegħa tard minħabba l-azzjoni industrijali tal-piloti li bdiet minn nofsillejl.

Ilbieraħ, l-Air Malta bagħtet stqarrija li l-Unjin tal-Piloti (ALPA) ordnat li l-azzjoni industrijali tibda llum, fl-aktar perjodu bieżel tal-kumpanija. Però, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi sostna li l-Gvern mhux se jċedi u jipprovdi garanziji “redikoli” dwar skema ta’ rtirar kmieni.

Aqra: Titjiriet tard mill-Air Malta minn nofsillejl; “Rikatti minn ħadd” – Konrad Mizzi

Qal li fi żmien Gvern Nazzjonalista l-Air Malta kienet tat skema ta’ rtirar kmieni lill-piloti biex ikunu jistgħu jirtiraw ta’ 55 sena u jieħdu pakkett ta’ kważi €700,000 kull wieħed. “Issa l-Unjin tal-Piloti qed tippretendi li l-Gvern jagħti garanzija li dawn il-flus joħduhom jiġri x’jiġri mill-Air Malta,” qal Mizzi.