Aġġornata: L-ALPA tiċħad l-akkużi ‘bla prova’ tal-Air Malta

Daryl Cauchi

Read in English.

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li l-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta qed tinvestiga l-għadd kbir ta’ bdoti li qed jirrapportaw ma jifilħux. Waqt it-tnedija tal-aħħar arjuplan tal-Air Malta Airbus A320neo, Mizzi qal li s-Sibt, 12 minn 24 bdot reġgħu rrapportaw li ma jifilħux.

Huwa qal li dan qed iqajjem tħassib u l-aġir tal-bdoti qed iwassal biex aktar titjiriet jittardjaw.

Mizzi qal li l-biċċa l-kbira tal-bdoti u membri tal-ekwipaġġ qed jiġbdu ħabel wieħed u jġibu ruħhom b’mod professjonali.

Intant, dalgħodu, l-Air Malta żiedet arjuplan ġdid tagħha mal-flotta – Airbus A320neo, it-tieni wieħed dan is-sajf.  Fil-flotta tal-Air Malta, issa, il-linja nazzjonali tal-arju għandu tliet A320neo.

Il-Ministru qal li l-Air Malta qed timmira li jkollha l-ewwel Airbus A321XLR li kapaċi jtir lejn destinazzjonijiet fit-tul, barra mill-Ewropa.

Madanakollu, dan jista’ jsir biss jekk jintlaħaq ftehim kollettiv mal-unjins kollha.

Huwa qal li li t-talba tal-ALPA għal garanziji ta’ rtirar kmieni ta’ €700,000 għal kull pilota mhix aċċettabbli minħabba regoli ta’ state aid.

Spjega li jekk l-ALPA ma tilħaqx ftehim, il-gvern ikun kostrett li titjiriet ‘il barra mill-Ewropa jkunu operati minn kumpaniji oħra.

“Il-Gvern qed juża’ allegazzjonijiet foloz biex jaħbi d-diżorganizzazzjoni li hemm fl-Air Malta”

B’reazzjoni għal dan, l-ALPA ħarġet stqarrija fejn qalet li l-allegazzjonijiet tal-Gvern diġa saru darb’oħra u li l-Gvern qed jużahom bħala skuża biex jipprova jgħatti s-sitwazzjoni u d-diżorganizzazzjoni fl-Air Malta.

L-ALPA sostniet d-diżorganizzazzjoni tal-Air Malta laħaq livelli mingħajr preċedent, tant li skont l-ALPA din l-istess allegazzjoni diġa saret mill-Gvern sena ilu fejn kien qal li l-ekwipaġġ tal-Air Malta ra żieda ta’ 1000% fil-mard. Skont l-ALPA dawn huma ċifri foloz hekk kif qatt ma ġew provati bil-miktub mill-Gvern.