Air Malta tikri ajruplan ieħor minħabba Gatwick

Il-Linja tal-Ajru Nazzjonali Air Malta ħabret li kienet qed tikri ajruplan ieħor biex itaffi dewmien li seta’ nħoloq minħabba l-għeluq temporanju tal-ajruport ta’ Gatwick u kwistjonijiet oħra.

Il-Linja tal-Ajru Maltija qalet li dan saru apparti minn miżuri oħra meħuda li jinkludu tibdil fir-rotta minn Gatwick għal Heathrow kif ukoll kiri ta’ żewġ arjuplani biex jitaffa kemm jista’ jkun l-inkonvenjent li nħoloq fl-ajruport ta’ Gatwick meta ngħalaq għal prekawzjoni wara li koppja tajret drone  fl-ispazju tal-ajru ta’ Gatwick.

Dan l-ajruplan se jopera numru ta’ titjiriet oħra fi żmien il-Milied biex ikun żgurat li l-Air Malta jżomm mal-iskeda tagħha matul il-perjodu tal-festi.

Fi stqarrija, l-Linja tal-Ajru qalet li dan hu l-mod proattiv li bih l-Air Malta qed tiżgura li l-passiġġieri tagħha jgħaddu l-ħin mal-għeżżież tagħhom jew iwettqu l-vaganza li ppjanaw, waqt li turi r-rieda tagħha li tagħmel kull sforz biex toffri lill-klijenti tagħha vjaġġ mingħajr skoss.