Air Malta: Titlef €13-il miljun iżda tistenna bilanċ minn Marzu

Il-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta, għalqet is-sena finanzjarja b’telf ta’ €13.1 miljun.
Minkejja dan, il-linja tal-ajru qed tittama li l-paġna tibda tinqaleb għall-aħjar minn Marzu li ġej, wara li f’April li għadda l-bord approva Pjan Kummerċjali għat-tliet snin li ġejjin.
Ir-rapport annwali finanzjarju juri li d-dħul tal-Air Malta naqas bi €28.3 miljun meta mqabbel mas-sena li għaddiet. Dan ifisser li minn €220.5 miljun, il-qligħ tal-Air Malta fl-aħħar sena kien ta’ €192.2 miljun.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li ppreżentat dan ir-rapport, intqal kif il-kumpanija marret minn taħt bil-hedging tal-fuel iżda tittama li r-rapport finanzjarju li jmiss juru bidla pożittiva wara r-roħs fil-prezz tal-fuel.
Iċ-Ċermen tal-Air Malta, Charles Mangion fakkar li fl-aħħar xhur l-Air Malta daħlet fis-seħħ strateġija ta’ tkabbir fosthom reviżjoni tar-rotot tagħha.
Semma kif l-affarijiet għas-sena finanzjarja 2017/18 jidhru li sejrin tajjeb u spjega kif l-Air Malta diġà  għandha 141,000 passiġġier aktar meta mqabbel mas-sena li għaddiet.
Fakkar ukoll f’seba’ rotot ġodda li se jkunu offruti mis-sajf li ġej u anke żieda ta’ ajruplan li jfissru aktar passiġġiera u iżjed dħul.
“L-Air Malta għandha futur biss jekk tikber,” qal Dr Mangion waqt li spjega li kien għalhekk li ġew introdotti rotot ġodda lejn destinazzjonijiet popolari, fosthom Frankfurt u qal li l-linja tal-ajru tinsab kommessa li tikkonkludi ftehmiet ġodda għall-ħaddiema sal-aħħar tas-sena.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi innota li flimkien mal-istakeholders kollha se jkun żgurat li l-Air Malta tkun “storja ta’ suċċess.”
Iddeskriva din is-sena bħala waħda tranżitorja għal-linja tal-ajru u li se tkun qed tiffoka fuq it-tkabbir tal-profit tagħha u biex tipprovdi servizzi aħjar.
Qal li dan se jwassal biex wara ħafna snin, il-kumpanija tibbilanċja l-finanzi tagħha għall-ewwel darba matul is-sena d-dieħla.
Temm jgħid li għaddejin studji bil-għan li jeżaminaw il-possibbilità li mis-sena d-dieħla jiżdied ajruplan ieħor apparti dak li se jibda jaħdem minn April.