Air Malta: Il-kbir u ż-żgħir misshom ġew offruti l-istess – SĦPN

Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista qalet li l-kbir u ż-żgħir fost l-impjegati tal-Air Malta misshom ġew offruti l-istess. Skontha, li jitkeċċew l-impjegati għandha tkun l-aħħar miżura.

Fi stqarrija maħruġa lbieraħ, SĦPN qalet illi missu kien hemm medjatur li għandu l-fiduċja taż-żewġ naħat sabiex isolvi l-kwistjoni, kif sar fi snin preċedenti. Allegat li “Jidher issa li bl-iskuża tal-Covid-19, se jkunu qed jinbidlu diversi prassi.”

Din is-sezzjoni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista stqarret illi, “Qed jagħmel ħażin dan il-Gvern joqgħod jilgħab bl-emozzjonijiet tal-poplu u jkeskes lill-pubbliku kontra sezzjoni partikolari ta’ ħaddiema. L-affarijiet ma jimxux hekk.” Temmet tgħid li l-ikbar sagrifiċċju jidher li se jagħmluh il-ħaddiema.

Id-diżgwid fi ħdan l-Air Malta ilu għaddej minn meta qamet il-kwistjoni tal-coronavirus. Fl-aħħar ġranet, l-assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-piloti tal-Air Malta, ALPA, fetħet protest ġudizzjarju kontra l-linja nazzjonali tal-ajru Maltija, Air Malta u l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri minħabba t-tkeċċija ta’ 108 bdoti.

Il-bdoti ma kinux l-uniċi impjegati li dehru f’riskju li jitilfu xogħolhom, peress li anke l-impjieg ta’ ħafna fost il-cabin crew ġie mhedded.