Air Malta: Il-Kamra tal-Kummerċ tappella għal impenn minn kulħadd

Il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija appellat lill-partijiet konċernati biex jagħmlu sforz biex il-linja nazzjonali tal-ajru tiġi ristrutturata.
Ħeġġet lil dawk kollha involuti biex jikkunsidraw l-effett li l-Air Malta għandha, mhux biss fuq it-turiżmu imma fuq l-ekonomija kollha kemm hi, waqt li appellat biex jiġu evitati battibekki dwar materji insinjifikanti.
Irreferiet għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tagħlaq il-linja nazzjonali tal-ajru f’Ċipru, u wissiet li jekk jiġri l-istess f’Malta l-effett ikun devastanti anke fuq il-fabbriki tal-farmaċewtika, tal-elettronika u setturi oħra, inkluż l-investiment barrani u l-qasam tax-xogħol fis-settur privat kollu kemm hu.
Waqt li faħħret lill-Air Malta għad-deċiżjoni li tnaqqas l-ispejjeż u taħdem għall-vijabilità, ħeġġet lill-partijiet konċernati biex jabbandunaw prattiċi antiki u jagħtu prijorità lis-sostenibilità finanzjarja tal-linja nazzjonali fit-tul.