Air Malta: ForUM jinsisti li l-azzjonijiet industrijali huma leġittimi

Il-Forum Unions Maltin appella lill-membri tal-unjin tal-ekwipaġġ tal-Air Malta biex ma jħallux il-kritika tal-MHRA taffettwahom.
Il-President tal-ForUM, Paul Pace, qal li issa saret drawwa li assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem jattakkaw unjins li jirrikorru għal azzjonijiet industrijali leġittimi, iktar u iktar meta dawn ikunu affiljati mal-Forum Unions Maltin.
Il-ForUM fakkar li l-MHRA kienet waħda mill-entitajiet li għamlu pressjoni fuq il-Gvern preċedenti biex idaħħal il-linji tal-ajru low-cost, biex gawdew huma meta kienu jafu li dawn kienu se jaffettwaw lil-linja nazzjonali tal-ajru.
Waqt li tenna l-appoġġ tiegħu lill-unjin tal-ekwipaġġ biex tipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema tagħha, il-ForUM innota li l-maniġment tal-Air Malta m’għandux dritt jibdel il-kundizzjonijiet tal-ftehim kollettiv bl-iskuża li jsalva lill-kumpanija.
Spjega wkoll li l-MHRA qatt ma kienet involuta direttament fit-tilwima ta’ bħalissa u għalhekk il-ForUM ma jistax jifhem kif l-assoċjazzjoni attakkat lil unjin li qed tagħmel xogħolha.