Air Malta: Dan is-sajf b’titjiriet lejn u minn 30 destinazzjoni

L-Air Malta qed tippjana skeda ta’ titjiriet aqwa għas-sajf tal-2016 li sejra tinkludi ħinijiet aħjar ta’ titjiriet fuq Manchester, Katanja, Vjenna, Lyon u Marsilja u aktar titjiriet frekwenti fuq Berlin.
Il-linja tal-ajru Maltija se toffri għażla ta’ 30 titjira fil-ġimgħa lejn seba’ ajruporti. B’din l-iskeda, li se tkun għaddejja mis-27 ta’ Marzu sad-29 ta’ Ottubru, l-Air Malta għandha l-għan li ġġorr aktar minn miljun passiġġier.
Il-linja tal-ajru bħalissa għaddejja bi promozzjoni bi prezzijiet li jibdew minn €44 lejn direzzjoni waħda, inklużi t-taxxi u tariffi oħra.
Saru għadd ta’ bidliet fl-iskeda tas-sajf tas-sena li għaddiet biex jingħataw l-aħjar opportunitajiet, tiżdied l-effiċjenza u jinħolqu titjiriet aktar attraenti, kemm għaċ-ċittadini Maltin kif ukoll għat-turisti li sejrin iżuru l-gżejjer dan is-sajf.
Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li dan is-sajf għandha l-għan li tikseb il-miri billi tagħmel iktar b’inqas u tiddedika r-riżorsi kollha tagħha fuq Malta.
Il-Kap Uffiċjal tal-Kummerċ tal-kumpanija Ursula Silling qalet li l-Air Malta għadha l-iktar operatur b’saħħtu fuq Malta li jopera għażla ta’ 135 titjira fil-ġimgħa bl-aħjar ħinijiet tat-titjira, l-aħjar għażla ta’ ajruporti u bi prezzijiet kompetittivi.
Aktar dettalji fuq www.airmalta.com, 21662211 jew fuq il-paġna AirMalta fuq Facebook.