Air Malta bi profitt rekord ta’ €1.2 miljun fl-2018

L-Air Malta llum ħabbret li fl-2018 għamlet profitt ta’ €1.2 miljun wara 18-il sena. Dan ħabbritu waqt il-laqgħa ġenerali annwali tagħha, li għaliha attenda l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi.

Il-Ministru ddeskriva l-linja tal-ajru Air Malta bħala l-lifeline tal-Maltin. Huwa rrakkonta kif inbidlet l-istorja tal-Air Malta mill-2013 ‘l hawn, meta n-nies, skontu, kienu qatgħu qalbhom. Il-Ministru Mizzi elenka xi kisbiet tal-Air Malta tul is-snin fosthom 21 rotta madwar l-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq u t-tkabbir tal-flotta b’2 ajruplani ġodda. Huwa qal li hu mument kburi ħafna li wara 18-il sena, l-Air Malta rreġistrat qligħ ta’ €1.2 miljun għall-ewwel darba permezz ta’ żieda fil-bejgħ tal-biljetti u kontroll aħjar fl-operat tagħha. Dan f’kuntrast mal-€10.8 miljun telf tas-sena li għaddiet.

Fl-2018, l-Air Malta ġarret 11% passiġġiera aktar, jiġifieri madwar 168,000 persuna, kien hemm żieda ta’ 8.5% fit-titjiriet u titjib ta’ 2.8% fis-seats tal-passiġġiera. Il-Kap tal-Finanzi (CFO) tal-Air Malta, Omar Bonello, qal li fl-2018 l-Air Malta kienet 7% aktar effiċjenti mis-sena ta’ qabel.

L-Air Malta tipprova ttejjeb in-nuqqasijiet tagħha tas-sajf tal-2018

Iċ-Chairman tal-linja tal-ajru, Charles Mangion, ammetta għan-nuqqasijiet tal-Air Malta fis-sajf tal-2018, meta kien ikun hemm ħafna dewmien għat-titjiriet. Dan minħabba xi ħsarat tekniċi, iżda Mangion qal li dawn il-problemi qed jiġu indirizzati permezz ta’ ċentru apposta, imsejjaħ OPS Centre li għandu jgħin biex ma jkunx hemm dewmien u anke biex l-iskeda ta’ kif se jaħdmu l-ħaddiema tinħoloq b’mod teknoloġiku u mhux min-nies.

Aktar titjiriet

Il-Kap tal-Kummerċ tal-Air Malta, Paul Sies, qal li fis-sajf li ġej, se jiżdiedu t-titjiriet għal Heathrow f’Londra, Charles De Gaulle f’Pariġi, Hamburg, Kiev, Lyon, Munich u Tunis. Apparti dan, wara 12-il sena, l-Air Malta se terġa’ tibda ttir lejn il-Kajr u se tibda ttir lejn Varsavja għall-ewwel darba.