Air Malta b’sit elettroniku ġdid

L-Air Malta nediet sit elettroniku ġdid li joffri bidla radikali kemm fil-proċess tal-għażla tat-titjira kif ukoll fl-esperjenza għal min juża s-sit.

Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li dan kien pass importanti ieħor biex tirristruttura l-operat tagħha. Qalet kif wettqet reviżjoni tal-proċess tax-xiri permezz tal-internet bil-għan li dan isir aktar sempliċi, veloċi u aktar sigur.

Is-sit elettroniku nbena mill-ġdid bi struttura ġdida ta’ kontenut u fiha mijiet ta’ paġni b’kontenut ġdid li jippromwovu lil Malta bħala l-aqwa destinazzjoni fil-Mediterran.

Ġew miżjuda wkoll lingwi ġodda, u s-sit issa huwa disponibbli f’seba’ lingwi li huma l-Malti, l-Ingliż, Ġermaniż, Taljan, Franċiż, Russu u Olandiż.