Air Malta: Aħjar prezzijiet orħos milli ikel?

F’dawn l-ewwel jiem tas-sena l-ġdida kienu diversi l-kummenti fuq il-mezzi soċjali mill-passiġġieri li vvjaġġaw bl-Air Malta dwar l-ikel li nbidel għal bezzun u nofs litru ilma.
Fost kummenti li ttellgħu fuq is-siti ta’ networking soċjali kien hemm min kiteb li “aħjar ikun hemm prezzijiet orħos milli ikel fuq l-ajruplan hekk kif il-prezzijiet huma tliet darbiet iktar mil-linji tal-ajru low cost.”
Oħrajn saħansitra qalu li s-sigurtà tiġi l-ewwel u għal dan il-għan faħħru l-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta.
Għada, l-Air Malta u l-unjin tal-membri tal-ekwipaġġ mistennija jiltaqgħu biex jiddiskutu t-tilwima dwar l-ikla li l-linja nazzjonali tal-ajru kienet tipprovdi lill-membri tal-ekwipaġġ u li issa wkoll inbidlet għal bezzun u nofs litru ilma.
Il-unjin saħansitra tat direttiva biex filwaqt li l-membri tal-ekwipaġġ iqassmu l-bezzun u l-ilma lil kull passiġġier, ma joffrux is-servizz tat-trolley jiġifieri li jbiegħu soft drinks, kafè u tè fost l-oħrajn.
Il-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista irrappurtaw li kawża tad-deċiżjoni fil-bidla tal-ikel fuq l-Air Malta, 80 ħaddiem tilfu l-impjieg tagħhom mal-kumpanija Sky Gourmet, il-kumpanija li tieħu ħsieb tipprovdi l-ikel għat-titjiriet tal-Air Malta.