Aid to the Church in Need tagħlaq 6 snin mit-twaqqif tagħha f’Malta

ACN Malta

Dan ix-xahar l-Aid to the Church in Need (ACN), organizazzjoni Pontifiċja tal-Karità li tgħin lill-Insara ppersegwitati u oppressi madwar id-dinja, qiegħda tfakkar is-sitt anniversarju mit-twaqqif tagħha f’Malta.

Fi stqarrija, l-ACN (Malta) qalet li tul dawn is-snin kompliet tixgħel id-dawl tal-imħabba ta’ Kristu fi rkejjen mill-iktar mudlama tad-dinja billi appoġġjat lill-Knisja fil-missjoni tagħha u billi nisslet tama u solidarjetà fost eluf ta ‘nies.

Mill-appoġġ għal skejjel Kristjani, orfanatrofji u ċentri taż-żgħażagħ, taħriġ għas-seminaristi, sa kopji tal-Bibbja tat-Tfal, il-proġetti tal-ACN jgħinu biex titrawwem il-fidi fost Kristjani ppersegwitati u li ħafna drabi jsofru għax jagħtu xhieda ta’ Kristu fil-konfront ta’ persekuzzjoni, oppressjoni u faqar.

L-ACN (Malta) kienet ukoll fuq quddiem nett f’diversi proġetti ta’ għajnuna pastorali favur Kristjani li qed ibatu billi għenet b’mod speċjali lill-missjunarji Maltin u Għawdxin f’diversi partijiet tad-dinja.

ACN Malta

X’għajnuna offriet lill-missjunarji?

Matul dawn is-sitt snin, ACN (Malta) organizzat ukoll għajnuna ta’ emerġenza għal familji ta’ refuġjati fis-Sirja, l-Iraq u partijiet fl-Afrika, irtiri annwali u kampanji ta’ talb, u Kampanji tal-Milied biex jipprovdu ħalib, pakketti tal-Milied u boroż ta’ studju lil tfal Sirjani fil-bżonn, kif ukoll għenet biex issir il-kampanja ħalli “Miljun tifel u tifla jgħidu t-Talba tar-Rużarju” għall-paċi u l-għaqda fid-dinja.

L-ACN tippubblika u tqassam żewġ rapporti biennali ewlenin – “Persegwitati u Minsija?” u “Il-Libertà Reliġjuża fid-Dinja.” Dawn joħolqu aktar għarfien dwar il-persekuzzjoni reliġjuża fid-dinja, speċjalment dik tal-Kristjani.

Għal aktar tagħrif dwar l-impenn u l-proġetti tal-ACN (Malta) u kif persuna tista’ tgħin, tista’ żżur is-sit elettroniku tal-organizzazzjoni, iċċempel 21487818 jew tibgħat email fuq info@acnmalta.org