Aid to Church in Need dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

L-Ukrajna għadha tħoss l-effetti tal-era Komunista

F’pajjiż fejn ir-rata tat-twelid tinsab f’punt kritiku ħafna, l-Ukrajna għandha bżonn aktar minn qatt qabel li tiskopri mill-ġdid il-valuri tal-familja bħala l-benniena tal-vokazzjoni Kristjana. Magda Kaczmarek li riċentement irrappreżentat mill-organiżazzjoni Pontifiċja Aid to Church in Need, fil-Kungress tal-Familja fl-Ukrajna, tkellmet dwar is-sitwazzjoni f’dak il-pajjiż.

Mistoqsija dwar l-impressjoni tagħha tas-sitwazzjoni fil-pajjiż, Kaczmarek qalet li l-Ukrajna hi pajjiż kbir u sabiħ li jilqgħek ħafna.  Iżda fl-istess waqt hi pajjiż li għadda mid-diffikultajiet ta’ 70 sena komuniżmu.  Dan hu rifless fid-diffikultajiet li ż-żagħżagħ isibu f’ħajjithom.

L-era komunista għadha riflessa fil-ħajja tas-soċjetà tal-lum. Il-vizzji ħżiena għadhom hemm, per eżempju fl-amministrazzjoni pubblika, li qed tittiekel mill-kankru tal-korruzzjoni. Ħafna Ukreni jħossu li pajjiżhom m’għandux futur u ż-żgħażagħ bravi u tajbin qed jemigraw. Oħrajn jispiċċaw iddisprati u dan  in-nuqqas ta’ tama qed iwassalhom għall-alkoliżmu, tkissir tal-familji u problemi oħra.  Fuq kollox, il-familji jinsabu taħt attakk.

Bla missier

65% tat-tfal fl-Ukrajna qed jikbru mingħajr missier; isiru madwar 300 abort kuljum u dan f’pajjiż fejn in-numru ta’ tfal hu żgħir ħafna.  Ir-rata tat-twelid hi ta’ 1.38 meta fil-fatt hemm bżonn ta’ 2.1 twelid biex jinżamm il-livell tal-popolazzjoni attwali.

L-Arċisqof Claudio Gugerotti, in-Nunzju Apostoliku tal-Ukrajna, dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż jgħid li “hemm nuqqas ta’ tama fis-soċjetà u nuqqas ta’ mħabba fil-familji”.

Il-Knisja Kattolika fl-Ukrajna hi magħmula mill-Knisja Kattolika Griega u l-Knisja Kattolika tar-Rit Latin. Il-Knisja Kattolika Latina li ma għandhiex aktar minn 1.5miljun membru, qed tagħmel xogħol tajjeb ħafna.  Wara l-era komunista, il-Knisja reġgħet ħadet il-ħajja b’ħafna saċerdoti żgħażagħ.  Madankollu għandha bżonn l-għajnuna biex tkompli tinbena. Għalhekk, Aid to Church in Need poġġiet lill-Ukrajna bħala prijorità u qed tonfoq madwar €3 miljun fis-sena  f’diversi proġetti.

Minkejja d-daqs żgħir tagħha l-Knisja tgħin ħafna lil dawk li għadhom jgħixu f’żoni ta’ ġlied fil-Lvant tal-pajjiż u tgħinhom kemm materjalment kif ukoll spiritwalment permezz tal-“Christian Rescue Centre”. Il-Knisja tgħin ukoll lil dawk li ħarbu miż-żoni ta’ kunflitt biex ikunu jistgħu jistabilixxu darhom f’postijiet oħra..

Fl-istess ħin, il-Knisja tagħraf li ‘l hinn mill-problemi politiċi li qed jolqtu l-pajjiż, l-ewwel dover tagħh hu li tiddefendi l-familji. Minn wara s-Sinodu dwar il-Familja, ngħataw ħafna taħditiet minn missirjiet tal-familja li huma nvoluti ħafna fil-ħajja spiritwali u temporali tal-parroċċi tagħhom.

Dawn l-irġiel, flimkien mal-familji tagħhom qed irabbu familji kbar ta’ ħamsa, seba’ u anke aktar tfall- li hi xi ħaġa eċċessjonali, partikolarment fl-Ukrajna.

Il-futur fil-familja

Aid to Church in Need temmen li l-impenn ta dawn in-nies jixhed li l-futur taI-Knisja fl-Ukrajna jinsab fil-familji li jgħix skont ir-rieda t’Alla. Dan jagħmluh bit-talb ta’ kuljum, bil-katekiżmu, bis-sehem fil-liturġija u billi jiċċelebra il-festi flimkien mal-familji tagħhom u b’diversi azzjonijiet oħra. Iżda dawn il-familji huma ftit fin-numru.

Jidher li ċ-ċavetta għar-riġenerazzjoni tal-Knisja Kattolika fl-Ukrajna tinsab fil-komunitajiet ġodda. Il-missirijiet u l-ommijiet ta’ familji li jagħtu xhieda ta’ ħajja sabiħa fil-familja, jinsabu kollha f’komunitjiet ġodda bħal Mixja Neokatekumenali, il-Familji ta’ Nazaret u oħrajn. Dawn il-komunitajiet huma postijiet ta’ dinamiżmu spiritwali fejn l-insara jiltaqgħu flimkien u jaqsmu l-eserjenzi taghom b’mod mill-aktar pożittiv.

Kien l-istess Papa Franġisku li qal li “qed ngħixu fi żmien fejn in-nisrani jista’ jirkupra l-ispirtu tal-missjoni Kristjana tiegħu f’dawn it-tip ta’ komunitajiet, hekk kif għamlu l-insara tal-ewwel żminijiet tal-Kristjaneżmu”.