Aħsiblu jekk toqgħod fl-akkwati ta’ San Ġiljan

Jekk toqgħod San Ġiljan, Pembroke, Swieqi, L-Ibraġġ, San Ġwann jew il-Madliena u għadek ma ġbartx il-kontenituri tar-riċiklaġġ, tajjeb li taħsiblu għax dawn qed jitqassmu mill-grawnds tal-Luxol.

Wasteserv qiegħda tqassam il-kontenituri fil-grawnds tal-Luxol sa għada s-Sibt. Wieħed jista’ jmur jiġborhom bejn id-9am u l-4pm.

Il-kontenituri tar-riċiklaġġ qed jitqassmu minn postijiet strateġiċi bil-għan li jilħqu kemm jista’ jkun lokalitajiet differenti u fl-istess ħin wieħed ma jkollux bogħod biex imur jiġborhom. Il-kontenituri qed jingħataw b’xejn għal kull residenza. Importanti li meta wieħed imur jiġborhom jieħu miegħu l-karta tal-identità.