Aħsiblu jekk se tgħaddi mill-Marsa

Fil-jiem li ġejjin ser jinfetħu għadd ta’ korsiji temporanji u rotot alternattivi fl-inħawi ta’ Triq Aldo Moro sabiex jissoktaw ix-xogħlijiet infrastrutturali tal-proġett tal-Marsa Junction.
Transport Malta (TM) ħabbret li t-tim li qed imexxi dan il-proġett qed iniedi rotot proviżorji ġodda sabiex jintużaw minflok uħud mill-korsiji eżistenti, waqt li fihom ikun għaddej it-tħammil u l-bini ta’ diversi toroq ġodda u ta’ infrastruttura oħra marbuta mal-proġett, fix-xhur li ġejjin.
Issa tista’ tuża l-korsiji tal-karozzi tal-linja
Il-korsiji li kienu ddedikati għall-karozzi tal-linja qed jinfetħu għall-vetturi kollha biex jiffaċilitaw l-ivvjaġġar minn dawn it-toroq waqt ix-xogħlijiet.
Jekk se tivjaġġa filgħodu
It-Triq matul Baċir Numru 7, minn Kordin lejn il-Marsa, tinsab miftuħa wkoll bħala rotta alternattiva, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, kull filgħodu bejn is-06:30 u d-09:30 ta’ filgħodu. 
Jekk sejjer fid-direzzjoni tal-Marsa, Ħal Qormi jew il-Belt
Dawk li jkunu għaddejjin minn Triq Giuseppe Garibaldi għal Triq Aldo Moro, fid-direzzjoni tal-Marsa, Ħal Qormi, il-Belt jew lokalitajiet oħra fl-istess direzzjoni se jkollhom żewġ rotot alternattivi ġodda.
Fil-jiem li ġejjin, minn Triq Giuseppe Garibaldi ser tkun tista’ tagħżel bejn korsija ġdida li twasslek mill-ewwel fi Triq Aldo Moro, jew taqbad rotta alternattiva mill-Marsa Industrial Estate, li se tkun immarkata b’tabelli ta’ gwida apposta. Din ir-rotta tista’ tintuża biex tasal fi Triq Aldo Moro jew anke biex tibqa’ sejjer lejn Ħal Qormi direttament. 
Minflok waħda mill-fabbriki li twaqqgħet fl-ewwel fażi tal-proġett, qed jitlestew għadd ta’ korsiji ġodda oħra li permezz tagħhom ser titneħħa d-diffikultà li hemm bħalissa biex toħroġ minn Triq il-Gvern Lokali lejn Triq Aldo Moro, biswit l-Istamperija tal-Gvern. Dawn il-korsiji ġodda ser jinfetħu fil-jiem li ġejjin ukoll. 
Hekk kif jidħlu fis-seħħ dawn il-miżuri temporanji, Triq il-Gvern Lokali, li bħalissa tgħaqqad Triq Giuseppe Garibaldi ma’ Triq Aldo Moro, se tingħalaq biex fiha l-ħaddiema jkunu jistgħu jibnu uħud mit-toroq ġodda u strutturi oħra taħt l-art, bħala parti mit-tieni fażi tal-proġett tal-Marsa Junction. 
Dawk kollha li jivvjaġġaw minn dawn l-inħawi huma mħeġġa jagħtu widen lid-direzzjonijiet li ser ikunu qed jingħataw permezz ta’ tabelli mwaħħla fl-istess toroq. Il-proġett tal-Marsa Junction qed jitwettaq f’diversi fażijiet sabiex inaqqas l-inkonvenjent lil dawk kollha li jużaw dawn it-toroq. Korsiji u rotot ġodda qed jinfetħu kull meta dawk eżistenti jkun meħtieġ li jsiru xi xogħlijiet fihom.
X’jinkludi fih dan il-proġett?
Il-Marsa Junction Project jinkludi l-bini ta’ toroq ġodda, seba’ strutturi ta’ flyovers,  passaġġi għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi, faċilitajiet għaċ-ċiklisti, parkeġġi u żviluppi oħra sabiex tiġi msaħħa din il-ħolqa ewlenija tas-sistema tat-toroq,
Permezz ta’ dan l-investiment, is-sistema ta’ traffic lights kumplessa li tintuża bħalissa se titneħħa sabiex minflokha jkun hemm korsiji differenti li jibqgħu għaddejjin matul ir-rotot kollha li jingħaqdu f’din il-junction mingħajr il-bżonn li l-karozzi jieqfu jistennew oħrajn għaddejjin minn direzzjonijiet oħra. 
L-ewwel fażi ta’ dan il-proġett, li tinkludi t-twaqqigħ ta’ fabbriki antiki fl-inħawi, dalwaqt tkun lesta.
Dan ix-xahar, il-periti u l-amministraturi tal-proġett bdew it-tieni fażi, li matulha qed jiżviluppaw diversi korsiji ġodda matul Triq Aldo Moro u toroq oħra viċin. Ser jinbnew ukoll is-sistemi tad-distribuzzjoni meħtieġa għas-servizzi tal-elettriku, ilma, drenaġġ, telekomunikazzjoni u anke l-infrastruttura għall-ġbir tal-ilma tax-xita. Aktar tard din is-sena, il-kuntratturi se jibdew ukoll it-tielet fażi u l-aħħar fażi, sabiex jibnu s-seba’ strutturi ta’ pontijiet u jlestu wkoll il-faċilitajiet l-oħra tal-proġett.
Filwaqt li jiddispjaċiha għal kull inkonvenjent, Transport Malta tixtieq tirringrazzja lill-pubbliku għall-kooperazzjoni u l-appoġġ waqt it-twettiq ta’ dan il-proġett.