Aħsiblu jekk se ssiefer fl-iżjed ġimgħa impenjata tal-ajruport

Read in English.

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta avża li kull min isiefer din il-ġimgħa m’għandux iħalli għall-aħħar, peress li aktar minn 185,000 passiġġier mistenni jgħaddi mill-ajruport sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa. Din il-ġimgħa mistennija tkun l-iktar impenjattiva li qatt ra l-ajruport. 

Fi stqarrija, intqal li l-ajruport qed jipprepara għall-influss qawwi ta’ passiġġieri li jġib miegħu x-xahar t’Awwissu. L-attività ġewwa l-ajruport mistennija tilħaq il-quċċata f’Santa Marija nhar il-Ħamis. B’kollox, 182 tlugħ u nżul tal-ajruplani huma skedati għal dakinhar, filwaqt li l-movimenti tal-passiġġieri mistennija jaqbżu t-30,000 moviment. 

Madwar 2,000 passiġġier mistenni jgħaddi mill-ajruport f’temp ta’ siegħa fl-iktar ħinijiet impenjattivi matul Awwissu. Għalhekk passiġġieri li se jsiefru matul din il-ġimgħa huma mitluba jaslu l-ajruport mill-inqas sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq tat-titjira. Il-passiġġieri huma mistiedna wkoll jagħmlu użu mis-seating area l-ġdida tal-ajruport, fejn wieħed jista’ jistrieħ fil-kumdità jew jiċċarġja l-aġġeġġi tiegħu qabel ma jsiefer. 

Kif tista’ taqbeż il-kju?

Passiġġieri li se jivvjaġġaw ma’ Lufthansa, Aegean Airlines, SAS Airlines, Turkish Airlines, British Airways jew Qatar Airways jistgħu jagħmlu użu mill-erba’ self-check-in kiosks li ġew installati fis-Sala tat-Tluq. Wara li jirreġistraw lilhom infushom għat-titjira, il-passiġġieri jkunu jistgħu jaqbżu l-kju u jħallu l-bagalji tagħhom mal-bank ta’ prijorità tal-kumpanija tal-ajru li jkunu se jsiefru magħha. 

Il-ħanut tad-Duty-Free tal-ajruport ukoll introduċa servizz ta’ xiri online, li permezz tiegħu l-passiġġieri jistgħu jiffrankaw il-ħin billi sempliċiment jiġbru l-ordni tagħhom minn wieħed mill-kaxxiera tal-ħanut, huma u sejrin lejn il-gate tat-tluq tagħhom. 

Kif tista’ tieħu ħsieb l-ambjent meta tivvjaġġa?

L-ajruport qed iħeġġeġ lill-passiġġieri biex inaqqsu l-impatt tal-ivvjaġġar tagħhom fuq l-ambjent billi jsegwu xi pariri sempliċi iżda effettivi. Fost il-pariri li nħarġu bl-għan li jitnaqqas l-iskart iġġenerat f’kull stadju tal-vjaġġ tal-passiġġier, wieħed isib it-tnaqqis fil-piż tal-bagalji u l-użu ta’ trasport alternattiv lejn l-ajruport, kif ukoll l-użu ta’ fliexken li wieħed jista’ jimla mill-funtani tal-ilma li jinsabu mxerrda madwar l-ajruport. 

Pastizzi jitqassmu b’xejn

Pastizzi, ġelati u luminati se jitqassmu fis-Sala ta’ Tluq kuljum, u mbagħad se jkun hemm attivitajiet speċjali, immirati lejn l-40,000 tifel u tifla li se jivvaġġaw matul Awwissu wkoll.