Aħsiblu jekk se ssiefer fit-28 ta’ Diċembru

F’dan iż-żmien ta’ festi, l-ajruport jara aktar nies mis-soltu. L-iżjed jum impenjattiv ta’ dan l-istaġun mistenni jkun it-28 ta’ Diċembru, għalhekk kull min se jsiefer dakinhar huwa mħeġġeġ jaħseb minn kmieni.

Bejn it-22 u l-31 ta’ Diċembru, 160,000 passiġġier mistenni jsiefer jew jasal f’Malta. L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, għalhekk, qed jissuġġerixxi lill-passiġġiera li jagħmlu ċ-check-in mid-dar u li jaslu l-ajruport tal-inqas sagħtejn qabel xħin suppost titlaq it-titjira tagħhom.

Sabiex jgħaddu mill-iskrinjar tas-sigurtà bl-inqas skariġġ possibbli, il-passiġġiera qed jintalbu biex ma jgeżwrux ir-rigali li se jżommu fil-bagalji tal-idejn, ladarba dawn ikollhom jinfetħu mill-uffiċjali tas-sigurtà. Kull aġġeġġ elettroniku, minbarra l-mowbajl, għandu jitpoġġa f’post aċċessibbli fil-bagalja ladarba dan ukoll ikollu jinħareġ.

Malli jlestu mill-iskrinjar, il-passiġġiera għandhom isibu dik li l-ajruport qed jiddeskrivi bħala “ġenna xitwija” tistenniehom, peress li l-ajruport hu mżejjen għall-Milied u se jkun hemm anke ċumnata u ħlewwiet tal-Milied għall-bejgħ.

L-ajruport se jkun qed jorganizza ċelebrazzjoni oħra ta’ tradizzjonijiet tal-Milied minn madwar id-dinja għat-tfal, fil-Food Court fis-sular -1, bejn is-Sibt 21 ta’ Diċembru u l-Ħamis 2 ta’ Jannar. Se tkun qed tiġi ċċelebrata wkoll quddiesa ta’ nofsillejl fis-Sala taċ-Check-In lejlet il-Milied.