Aħsibha darbtejn qabel ma tikxef fejn int

Illum-il-ġurnata, l-ismartphones saru parti integrali ta’ ħajjitna u bħal donnu ftit għad fadal kuxjenza dwar x’għandek iżżomm mistur f’hajtek u x’għandek tpoġġi fil-pubbliku. 
Iċ-Ċina tidher li għandha r-riżervi tagħha dwar dan.  Filfatt, qed takkuza lill-Apple li l-iPhone, huwa theddida għas-sigurta’ nazzjonali.  Dan għaliex, b’dan l-ismartphone, dak li jkun jista’ faċilment jinkixef fejn qiegħed.
Madankollu, il-kumpanija Apple, ftit li xejn għandha għalfejn tinkwieta dwar dan, hekk kif statistika turi li fiċ-Ċina biss, inxtraw ‘il fuq minn 150 miljun iPhone.  Fl-4 xhur li għaddew, 25% tal-bejgħ globali tal-Apple kien propju miċ-Ċina.
Din mhux l-ewwel darba li ċ-Ċina ħaditha kontra l-kumpanija bbażata f’Kalifornja.  Fl-imgħoddi, ċ-Ċina stqarret li l-Apple qed tgħaddi informazzjoni sensittiva lil aġenziji sigrieti Amerikani, propju minħabba l-possibiltà li mill-istess iPhone tkun taf fejn qieghed dak li jkun.
Dwar din l-aħħar akkuża, l-Apple, iddeċidiet li ma tikkummentax.