Aħsibha darbtejn jekk Facebook jistaqsik din il-mistoqsija

Facebook beda jistaqsi lill-utenti Ewropej u Kanadiżi biex tintuża fuqhom teknoloġija li tagħraf u tidentifika wiċċ persuna billi taċċessa u tistudja ritratti u filmati tagħha.
Oriġinarjament Facebook beda juża din it-teknoloġija fl-2011 fil-Kanada u fl-2012 fl-Ewropa, pero dan il-proċess waqaf ħesrem fl-Ewropa fl-istess sena wara protesti kbar minn regolaturi u attivisti favur il-privatezza personali.
Din it-talba ġdida hi waħda minn diversi talbiet ta’ permess għal aċċess personali li qed ikunu mistoqsija lill-pubbliku qabel ma tinħareġ b’mod uffiċċjali l-liġi l-ġdida dwar il-privatezza tad-dejta.
Din il-mossa qed titqies bħala waħda kontroversjarli, dan hekk kif Facebook bħalissa jinsab fiċ-ċentru tal-iskandlu relatata mal-privatezza tal-utenti tiegħu wara li ġie żvelat li Cambridge Analytica serqet l-informazzjoni li Facebook fdalha dwar l-utenti tiegħu.
Facebook bħalissa jinsab il-Qorti wkoll fl-Istati Uniti minħabba t-teknoloġija tal-facial recognition wara li beda jużaha fuq l-utenti fl-Istati Uniti mingħajr il-permess tagħhom.