Aħseb kmieni jekk se ssiefer din il-ġimgħa

Dawk li se jsiefru din il-ġimgħa, għandhom jaħsbu kmieni hekk kif se jkunu għaddejjin xi xogħlijiet fit-terminal.
Fi stqarrija, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta avża li l-passiġġieri għandhom ikunu t-terminal mill-inqas sagħtejn qabel it-tluq skedat tat-titjira tagħhom.
Dan minħabba li se jsir xogħol biex tiġi introdotta ż-Żona tal-Iskrining tas-Sigurtà l-ġdida tal-ajruport.
Il-biċċa l-kbira tal-proċess se ssir il-ġimgħa d-dieħla, u hu maħsub li ż-żona l-ġdida, temporanja, tibda tintuża bejn it-Tlieta 27 u l-Erbgħa 28 ta’ Ġunju. Madanakollu x-xogħlijiet jibqgħu għaddejjin tul ix-xahar li ġej.
Din iż-żona, li bħalissa tinsab fuq il-pjan terran tat-terminal, se tiġi rilokata għall-ewwel sular, u d-daqs tagħha se jkun id-doppju ta’ dik eżistenti.
Fost l-oħrajn se tkun tinkludi spazju ta’ 180 metru fejn il-passiġġieri jiffurmaw kju, ħafna dawl naturali u għażla ta’ fast track għal dawk li jkunu qed jivvjaġġaw fuq xogħol jew bi tfal żgħar.
Iż-żona permanenti mbagħad tiftaħ fl-2018.
Dan il-proġett huwa parti minn tisbieħ tat-terminal tal-ajruport, b’investiment ta’ €12-il miljun.