Aħna se jkollna nagħżlu mod ġdid kif nimxu fil-futur – Greta Thunberg

REUTERS/Johanna Geron/File Photo

L-attivista Żvediża Greta Thunberg ingħaqdet ma’ sejħiet globali biex isir sforz konġunt kontra l-coronavirus u l-kriżi fil-klima, filwaqt li tenniet li l-50 Anniversarju ta’ Jum id-Dinja nhar l-Erbgħa għandu jkun iż-żmien meta nagħżlu li naqbdu ‘triq ġdida ‘l quddiem’.

It-titjib drammatiku fil-kwalità tal-arja u tal-ilma minħabba l-lockdowns imposti f’diversi bliet wara t-tifqigħa tal-coronavirus wasslu għal appelli għal futur b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, imma l-ħtieġa li miljuni ta’ persuni jerġgħu jirritornaw lura lejn il-post tax-xogħol tagħhom qed titfa’ dell fuq din il-possibilità fil-futur.

Thunberg, li pparteċipat f’attività trasmessa permezz tal-internet biex jitfakkar Jum id-Dinja, qalet li l-miżuri straordinarji li ttieħdu biex titwaqqaf il-firxa tan-novel coronavirus ma jfissirx li l-kriżi fil-klima m’għadhiex teżisti.

“Jeħtieġ li niġġieldu kontra żewġ kriżijiet f’daqqa,” qalet iż-żagħżugħa.

“Naqblu jew ma naqblux ma’ dan il-fatt, id-dinja nbidlet, tidher kompletament differenti minn kif kienet tidher ftit xhur ilu, u probabbilment qatt m’hu se terġa’ tidher l-istess, u aħna se jkollna nagħżlu mod ġdid kif nimxu ‘quddiem,” temmet tgħid Thunberg.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn