“Nitolbu biżżejjed?”

“Ejjew nistaqsu lilna nfusna: Aħna l-Kristjani nitolbu biżżejjed?” 
Din id-domanda importanti għamilha l-Papa Franġisku nhar is-Sibt li għadda waqt li kien qed iqaddes f’San Giovanni Rotondo, il-pajjiż fejn għex San Padre Pio.
Din is-sena jaħbat il-100 anniversarju minn meta Padre Pio ta’ Pietralcina rċieva l-istigmati kif ukoll il-50 anniversarju mill-mewt tiegħu. Hu twieled f’Pietralcina fil-25 ta’ Mejju 1887 u miet fit-23 ta Settembru 1968 fil-kunvent tal-Kapuċċini f’San Giovanni Rotondo.
Fl-omelija tiegħu, il-Papa Franġisku kkonċentra fuq tliet kelmiet: It-Talb, iċ-Ċokon u l-Għerf.
Hu nnota li Kristu kien jitlob spiss, ħafna drabi wara li jwarrab f’xi post waħdu u għall-kwiet. It-talb kien ikun spontanju. U fuq l-eżempju li tahom Kristu l-Appostli indunaw bl-importanza tat-talb u talbuh jgħallimhom jitolbu.
“Ġesù fil-Vanġelu jurina kif għandna nitolbu. Qabel xejn jgħid: “Infaħħrek Missier”, u ma jibdiex billi jgħid: “Għandi bżonn din u dik”, imma “Infaħħrek”. Wieħed ma jistax jagħraf lill-Missier, jekk ma jiddedikax ħin għalih biss u jfaħħru, mingħajr ma jadura.
“Kif insejna t-talba tal-adorazzjoni, it-talba tat-tifħir! Hekk irridu nerġgħu nibdew nagħmlu”, insista l-Papa.
Meta tkellem dwar iċ-ċokon Papa Franġisku qal li fil-Vanġelu Ġesù jfaħħar lill-Missier għax dan wera l-misteri tas-Saltna Tiegħu liż-żgħir, liċ-ċkejknin. Min huma dawn  iċ-ċkejknin li jafu kif jirċievu s-sigrieti ta’ Alla? Iċ-ċkejknin huma dawk li għandhom bżonn lill-kbir, li m’għandhomx biex jgħixu, li ma jaħsbux li għandhom bżonn biss lilhom infushom.
“Iċ-ċkejknin huma dawk ta’ qalb umli u miftuħa, il-foqra u dawk fil-bżonn, li jagħrfu l-bżonn li jitolbu, li jafdaw lilhom infushom u jħallu lil min jakkumpanjahom.
Il-qalb ta’ dawn iċ-ċkejknin hi bħal antenna: jaqbdu s-sinjal ta’ Alla u jifhmuh mill-ewwel”.
Fl-aħħarnett il-Papa tkellem dwar l-Għerf. “Il-veru għerf nhux li jkollok kwalitajiet u tkun b’saħħtek u jkollok il-poter. Dawk li juru li huma b’saħħithom u jwieġbu għall-ħażen bil-ħażen, m’humiex għorrief. L-unika arma għarfa u li ma tintrebaħx hi l-karità mnebbħa mill-fidi għax għandha s-saħħa li żżarma il-forzi tal-ħażen.
“San Pio iġġieled il-ħażen tul ħajtu u ġġilidlu bil-għerf, bħall-Mulej: bl-umiltà , l-ubbidjenza, bis-salib u billi offra t-tbatija għall-imħabba tal-oħrajn”, temm jgħid Papa Franġisku.